Diversi persuni ħarġu qatta’ bla ħabel bi kritika għall-mod kif il-Partit Laburista u l-media tiegħu għażlu li jagħmlu ballun politiku mill-isfidi li jiffaċċjaw dawk li jkollhom bżonn it-trattament tal-IVF.
Dan hekk kif, f’rapport għal dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech matul attività oħra bit-tema “Nitkellmu Flimkien”, il-media Laburista dawwret kollox f’attakk politiku u qalet li s-servizz tal-IVF hu kompletament b’xejn.
Kumment li – fil-ġimgħa internazzjonali tal-għarfien dwar il-problemi tal-infertilità – weġġa’ lil dawk li għaddew jew għadhom għaddejjin min dan il-proċess.
Fosthom il-preżentattriċi Janice Grech, li fuq Facebook appellat għall-verità. Hi staqsiet għaliex hemm min qed jgħid li l-IVF hu b’xejn meta mediċini li jiswew l-aktar jitħallsu mill-koppja u mhux mill-Gvern. Barra minhekk, qalet li trattament jista’ jiġi jiswa l-eluf ta’ ewro u għalhekk, appellat biex dawn il-koppji ma jibqgħux jintużaw bħala ballun politiku.
Tal-istess idea raġel li tkellem ma’ NET News u li spjega l-uġigħ li jgħaddu minnu koppji li jkollhom bżonn jagħmlu dan it-trattament. Hu rringrazzja lill-istaff mediku għad-dedikazzjoni tagħhom matul il-proċess, filwaqt li appella lil min ma jkunx jaf x’jitlob dan il-proċess biex ma jitkellimx għax, fil-verità, ikun qed iweġġa’ lil min diġà għaddej minn sfidi kbar.
Fuq kollox, hu kkonferma li, għalkemm is-servizzi tal-IVF huma b’xejn, il-mediċini relatati mat-trattament jiswew l-eluf ta’ ewro u għall-koppji.
Fost dawk li kkummentaw fuq Facebook, persuna saħansitra sfidat lil dawk li jmeruha li lesta turihom l-irċevuti. Kunu afu l-fatti, appellat din il-persuna, u mhux sempliċiment taqbżu biex taparsi tiddefendu – b’referenza ċara għas-servizz imxandar fuq il-media Laburista.
Persuna oħra kitbet li l-ewwel ħaġa li jgħidulek qabel tibda l-proċess hu li trid tonfoq mill-anqas 2,000 ewro minbarra 2,000 ewro oħra fi proċessi privati. Dan filwaqt li xi ħadd ieħor iċċara li ma tistax tagħmel l-IVF jekk ma jkollokx l-eluf imfaddlin għax il-mediċina tiswa l-eluf.
U f’kummenti oħrajn, aktar persuni qalu li jekk verament il-proċess hu b’xejn, anke l-mediċina għandha tkun b’xejn.
Min-naħa tiegħu, matul is-sessjoni tal-Ħamis ta’ “Nitkellmu Flimkien”, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li filwaqt li l-Partit japprezza li s-servizz tal-IVF hu bla ħlas, jinnota li l-mediċina tat-trattament qed tiswa lil dawk involuti eluf ta’ ewro. Hu għalhekk li wiegħed li Gvern ġdid immexxi mill-Partit Nazzjonalista jindirizza din il-karba tal-familji Maltin u Għawdxin.
Dikjarazzjoni li tidher li ntlaqat tajjeb minn dawk li għaddew jew għadhom għaddejjin minn dan il-proċess, bil-Partit Laburista u l-media tiegħu jippruvaw joħolqu d-dubji dwar kemm din il-proposta, fil-fatt, tista’ tgħin lil ħafna koppji Maltin u Għawdxin.