Il-Partit Nazzjonalista jissekonda bis-saħħa s-sejħa tal-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin u Maġistrati lill-Gvern sabiex jinħatru tal-anqas sitt maġistrati. Wara li żewġ maġistrati nħatru mħallfin f’dawn il-jiem u rtira maġistrat ieħor, huwa essenzjali li mhux biss dawn jiġu sostitwiti imma wkoll li n-numru totali ta’ maġistrati jiżdied.
Hekk sostna l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, Joseph Ellis fejn spjega li dan aktar u aktar meta x-xogħol tal-maġistratura qiegħed dejjem jiżdied b’inkjesti kumplessi kif ukoll b’volum akbar ta’ xogħol. Ta’ min isemmi wkoll illi jekk ir-riforma tal-liġi tal-kera se tgħaddi mill-Parlament kif qed jipproponiha l-Gvern, se tiżdied bil-kbir il-pressjoni fuq il-Bord tal-Kera, bord li hu normalment ippresjedut minn maġistrat.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern jaċċetta l-proposta tal-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin u Maġistrati b’mod u manjiera illi jinħatru tal-anqas sitt maġistrati ġodda biex ikun hemm żieda reali u sinjifikanti fin-numru ta’ maġistrati sabiex jagħmel tajjeb għaż-żieda fix-xogħol fil-Qorti.
Huwa sostna li barra minn hekk, il-Gvern irid jiddedika aktar riżorsi għall-Qorti ħalli jispiċċaw in-nuqqasijiet kbar li bħalissa jeżistu fir-riżorsi umani.
Il-Gvern irid japprezza li l-qasam tal-ġustizzja huwa kruċjali għar-rispett tas-saltna tad-dritt u għaldaqstant, it-tqanċiċ tiegħu hu ta’ theddida serja għal tali rispett.
//= $special ?>