Lokali

“Il-Qari jiftaħlek tieqa fuq id-dinja”

Jum il-Ktieb hu wieħed speċjali għax iħeġġiġna nħobbu l-qari … għax bil-qari tasal kullimkien.

F’dan il-kuntest, AnneMarie Grech, mart il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, laqqgħet għadd ta’ tfal f’attività apposta ghalihom, bit-tema “Aqraw magħna”. Għal din l-attività, kien mistieden ukoll Trevor Zahra … isem sinonimu mal-kitba Maltija, partikolarment għal kotba tat-tfal, għalkemm mhux biss.

U matul l-attività, it-tfal preżenti kellhom l-opportunità jesploraw, jaqraw u janimaw għadd ta’ poeżiji miktubin minn Trevor Zahra.

Anne Marie Grech qalet li l-qari hu dak li jiftaħlek tieqa fuq id-dinja. Hi tenniet li, wara attività bħal din, it-tfal għandhom jifhmu aktar l-importanza tal-ktieb u li kemm jista’ jkun naraw li fuq il-komodina, ħdejn is-sodda, dejjem ikollhom ktieb li jkunu qed jaqraw

Min-naħa tiegħu, Trevor Zahra spjega li l-ġurnata tat-23 ta’ April intagħżlet bħala Jum il-Ktieb għax jingħad li dakinhar kien twieled l-awtur Ingliż William Shakespeare. Madankollu, hu qal li Jum il-Ktieb għandu jkun is-sena kollha.

Hu appella wkoll biex it-tfal iħobbu aktar il-lingwi kollha – mhux biss il-Malti, iżda kull lingwa oħra li jiltaqgħu magħha waqt li jkunu qed jaqraw. U fuq kollox, jagħżlu li jaqraw dak li jħobbu.