Is-sostitut ta’ Newcastle United, Joe Willock skorja gowl mill-aktar drammatiku – iżda meritat – biex isalva punt ‘in extremis’ għall-Geordies kontra Liverpool f’Anfield Road. Il-gowl, fid-dro, 1-1, wasal kontra kull mistenni u serva bħala doċċa kiesħa għar-Reds ta’ Jurgen Klopp li jinsabu f’periklu li jispiċċaw barra t-Top Four tal-Premier League. F’każ li Liverpool ifallu f’dan it-tragward huma jonqsu mill-parteċipazzjni fiċ-Champions League, fl-istaġun li ġej. Il-logħba dehret faċli għal Liverpool fuq il-karta u gowl bikri minn Mo SALAH, skurjat wara tliet minuti biss, deher li kien witta t-triq għal rebħa komda.
Iżda Newcastle kellhom ħsibijiet oħra u minn dak il-ħin huma għamlu l-ħajja diffiċli għar-Reds minkejja li talaħħar iddominaw il-pussess għal ħinijiet twal. Fil-verità, il-plejers ta’ Jurgen Klopp għandhom iħarsu lura lejn opportunità oħra mitlufa, ftit jiem biss wara dro ieħor – 1-1 – ma’ Leeds United f’Elland Road. Dan meta ċ-Champions tal-Ingilterra waslu biex jikkonkludu staġun mill-aktar diżappuntanti fejn qed itemmu l-impenji mingħajr trofew wieħed wara sentejn ta’ suċċessi. Sadanittant, il-kumplament tal-istaġun spiċċa mtappan għal Liverpool u klabbs ewlenin oħra tal-Premier League bil-pubbliċità negattiva li ngħatat wara t-tentattivi (falluti) tagħhom biex jiffurmaw parti minn Super League Ewropew – u bil-plejers ukoll qegħdin jidhru affettwati mir-riperkussjonijiet negattivi. Intant, Liverpool ma rnexxilhomx jippenetraw id-difiża tal-Geordies għat-tieni darba fil-logħba u fl-aħħarnett huma spiċċaw jiddefendu r-riżultat, bi Newcastle jixħtu kollox fuq l-attakk biex isalvaw punt. Fl-aħħar minuta tal-logħba, l-attakkant ta’ Newcastle Callum Wilson beda jiċċelebra dak li ħaseb kien il-‘gowl tad-dro’ iżda t-tentattiv tiegħu ma kienx konvalidat fuq handsball — bil-plejers ta’ Liverpool jistennew b’ansjetà għat-tisfira finali. Madankollu, Newcastle xorta waħda ħadu dak li riedu meta WILLOCK (95) spara ġewwa bl-aħħar xutt tal-logħba għal punt importanti għall-Geordies li issa kważi serrħu rashom mir-relegation. Dan kien ukoll it-tielet gowl personali ta’ Willock fi tliet logħbiet konsekuttivi tal-kampjonat.
Chelsea kisbu rebħa mill-aktar importanti fil-ġlieda għat-‘Top Four’ tal-Premier League meta ħarġu bit-tliet punti mil-London Stadium għall-ispejjeż ta’ West Ham United. Dan id-derby ta’ Londra kellu sinifikat speċjali, biż-żewġ avversarji qed jikkuntestaw id-dritt għal post fiċ-Champions League u bir-riżultat pjuttost imur kontra l-pronostiku peress li West Ham (qabel din il-logħba) kienu wieħed mill-‘form teams’ tal-kampjonat – speċjalment f’darhom. Intant, Chelsea lagħbu logħba prudenti u kienu wkoll perikolużi fil-kontra-attakki, bl-iżblokk importanti jasal eżatt qabel il-mistrieħ meta Timo WERNER (43) sab ix-xibka fuq il-cross ta’ Ben Chilwell għall-ewwel gowl personali minn Frar. Fit-tieni taqsima, il-Hammers ma rnexxielhomx joħolqu daqstant ċansijiet perikolużi quddiem il-lasta ta’ Mendy u fil-81 minuta huma spiċċaw jilgħabu b’għaxra meta d-difensur Paragwen, Fabian Balbuena, intwera ħamra diretta għal daħla kerha fuq Chilwell. B’dan ir-riżultat, West Ham għadhom il-ħames fil-klassifka, tliet punti wara Chelsea u b’punt aktar minn Liverpool – meta dawn it-tliet tims jonqoshom ħames logħbiet għal tmiem il-kampjonat
Minkejja li r-relegat, Sheffield United xorta rnexxielhom jiksbu t-tliet punti meta f’darhom għelbu lil Brighton 1-0. Il-gowl li ddeċieda l-partita wasal wara biss 19-il minuta permezz ta’ DAVID MCGOLDRICK. Brighton ħasbu li ġabu l-iskor indaqs fis-56 minuta permezz ta’ Jakub Moder iżda l-gowl tiegħu kien imħassar għall-offside.
PREMIER LEAGUE
Ilbieraħ: Arsenal v Everton 0-1 Illum: Liverpool v Newcastle 1-1, West Ham v Chelsea 0-1, Sheff Utd v Brighton 1-0 Għada: Wolves v Burnley 1.00pm, Leeds v Man Utd 3.00pm, Aston Villa v WBA 8.00pm It-Tnejn: Leicester v C. Palace 9.00pm
CARABAO CUP: FINALI: Għada: Man City v Tottenham 5.30pm