Għandu jitneħħa l-piż finanzjarju li minħabba fih persuni u koppji ma jistgħux jagħmlu użu minn dan is-servizz.
Għall-Gvern Laburista, min għandu l-flus biss jista’ jagħmel IVF biex jkollu t-tfal u kull allegazzjoni bil-kontra hi gidba.
Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jsostni li l-verità dwar l-IVF offrut mill-Gvern hi li l-mediċini m’humiex b’xejn.
Kull ċiklu jista’ jiġi jiswa bejn €4,000 sa €6,000 f’mediċini li jfisser spiża ta’ madwar €15,000 fuq tlett ċikli. Hemm min qed jidħol għal piż finanzjarju, anki permezz ta’ self biex jixtri dawn il-mediċini li jfisser li għal bosta individwi, koppji u familji, l-għażla jkollhomx tfal permezz tal-IVF spiċċat waħda purament finanzjarja.
Dawn individwi, koppji u familji, diġà jgħaddu minn uġigħ u ansjetà kbira sakemm jaslu biex jikkunsidraw l-IVF bħala mezz sabiex ikollhom it-tfal u iktar tbatija u ansjetà meta jkunu għaddejjin miċ-ċiklu nnifsu.
L-inqas ħaġa li nistgħu nagħmlu bħala soċjetà hija li nneħħu il-piż finanzjarju li minħabba fih ħafna individwi, koppji u familji, saħansitra ma jkunux jistgħu jikkunsidraw din il-possibbiltà.
Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jikkommetti ruħu li meta jkun fil-Gvern, il-mediċini tal-IVF ikunu b’xejn.