Fil-konfront bejn iż-żewġ timijiet fin-naħa t’isfel tal-klassifika, Crotone għelbu lil Parma 4-3 f’partita mill-isbaħ. Crotone fetħu l-iskor wara 14-il minuta meta minn corner ta’ Adam Ounas, kien LISANDRO MAGALLAN li bir-ras għamilhom 1-0. Parma ġabu l-iskor indaqs fid-29 minuta meta minn cross ta’ Andreas Cornelius, kien HERNANI li b’daqqa ta’ ras tajba għamilhom 1-1. Fit-42 minuta minn cross fil-baxx ta’ Ounas kien SIMY li għamilhom 2-1 biex ftit sekondi qabel tmiem l-ewwel taqsima, ADAM OUNAS b’xutt minn barra l-kaxxa għamel l-iskor 3-1. Fit-tieni taqsima, Parma ħarġu fuq l-offenisva u naqqsu l-iskor fid-49 minuta permezz ta’ GERVINHO. Parma għamlu l-iskor indaqs fl-54 minuta meta wara nuqqas ta’ attenzjoni fid-difiża ta’ Crotone, kien VALENTIN MIHAILA li kien l-ewwel fuq il-ballun biex għamilhom 3-3. Il-gowl li aċċerta mir-rebħa għal Crotone wasal fid-69 minuta meta Yordan Osorio waqqa lil Arkadiusz Reca fil-kaxxa bir-referee jordna penalty. Minn ħdax-il metru, SIMY ma żbaljax biex għamilhom 4-3.
Genoa komplew jitbiegħdu miż-żona tar-relegazzjoni meta f’darhom għelbu lil Spezia 2-0. Genoa ħasbu li fetħu l-vantapp fit-28 minuta, iżda l-gowl ta’ Goran Pandev kien imħassar permezz tal-VAR. Genoa għamlu dan fit-62 minuta meta wara li x-xutt ta’ Davide Zappacosta kien parzjalment salvat, kien GIANLUCA SCAMACCA li rreaġixxa u kkonkluda għal 1-0. It-tim ta’ Davide Bellardini aċċerta mit-tliet punti erba’ minuti mit-tmiem meta minn pass tajjeb ta’ Kevin Strootman, kien ELDOR SHOMURODOV li kkonkluda fir-rokna tax-xibka għal 2-0.
Fi Stadio Mapei, Sassuolo kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Sampdoria 1-0. Il-gowl deċiżiv wasal fid-69 minuta meta Omar Colley naqas milli jtajjar il-ballun fejn approfitta DOMENICO BERARDI li b’mod akrobatiku xeħet għal wara Audero.
SERIE A
Illum: Genoa v Spezia 2-0, Parma v Crotone 3-4, Sassuolo v Sampdoria 1-0 Għada: Benevento v Udinese 12.30pm, Fiorentina v Juventus 3.00pm, Inter v Verona 3.00pm, Cagliari v Roma 6.00pm, Atalanta v Bologna 8.45pm It-Tnejn: Torino v Napoli 6.30pm, Lazio v Milan 8.45pm