Ingliż residenti San Pawl il-Baħar ġie kundannat 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin wara li nstab ħati mill-Maġistrat Rachel Montebello li fit-22 ta’ April tal-2018 ikkaġuna l-mewt ta’ Sqalli 29 sena, f’inċident tat-traffiku fi Triq il-Marfa, fil-Mellieħa.
Carmelo Tornabene ġie ddikjarat mejjet fl-isptar Mater Dei. Huwa kien sofra ġrieħi serji u ddaħħal fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. L-inċident kien f’nofs il-lejl u ħames minuti, li kien sbieħ il-Ħadd li għadda, fit-triq ta’ quddiem il-bajja tal-Għadira.
L-Ingliż li llum għandu 38 sena li kien mixli bi qtil involontarju kien qed isuq fid-direzzjoni taċ-Ċirkewwa, u għal xi raġuni, tilef il-kontroll, tela’ fuq is-centre strip, u spiċċa fuq in-naħa l-oħra tat-triq. Dan bil-konsegwenza li ħabat fil-karozza tal-Isqalli li kien qed isuq lejn il-Mellieħa.
L-impatt bejn iż-żewġ karozzi kien wieħed kbir, tant li fuq il-post kellha tissejjaħ l-assistenza tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili mill-istazzjon tax-Xemxija biex joħorġu lis-Sqalli mill-karozza tiegħu. Fuq il-post intbgħatu wkoll żewġ ambulanzi. Iż-żewġ sewwieqa ttieħdu l-Isptar Mater Dei, bit-Taljan ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt filwaqt li l-Ingliż weġġa’ ħafif.
Il-karreġġjata li tagħti miċ-Ċirkewwa lejn il-Mellieħa kienet ingħalqet għal ħin twil sakemm saru l-investigazzjonijiet min-naħa tal-Pulizija mill-Għassa tal-Qawra, Mill-investigazzjoni ħareġ li d-dwal tat-triq kienu mixgħula, il-viżibilità kienet waħda tajba u t-triq kienet xotta.
Terrence Dennis McKenna kien qed isuq karozza Peugeot 207 filwaqt li l-vettura Fiat 600 kienet misjuqa minn Carmelo Tornabene. Meta wasal biex jimmanuvra l-kurvatura li hemm fit-triq qabel tibda t-telgħa, l-imputat, għal xi raġuni, tilef il-kontroll tal-vettura li kien qed isuq. B’riżultat tal-impatt, li kien wieħed b’saħħtu u ‘head-on, lemin’ ma’ lemin, iż-żewġ vetturi daru 180 gradi kontra d-direzzjoni li kienu qed jiġu misjuqa qabel u soffrew ħsarat estensivi.
Carmelo Tornabene spiċċa maqbud ġot-tifrik tal-vettura tiegħu, kien mitluf minn sensih kif ukoll kien fil-perikolu tal-mewt. Hu miet fit-28 ta’ April 2018 fit-3:48pm meta ġie ċertifikat li kien ‘brain dead’. Id-difiza qalet li ma nġabitx prova li turi illi l-mewt ta’ Tornabene ġiet ikkaġunata minħabba sewqan negliġenti tal-imputat.
Il-Qorti qalet li waqt, tħoss li għandha tqis ukoll li dan l-inċident, għad wieħed traġiku, kien ukoll wieħed izolat u sfortunat, u ma jirriżultax li huwa xi każ ta’ aġir ripetut jew każ fejn l-inċident seħħ meta l-imputat kien jinsab taħt l-influwenza tax-xorb jew sustanzi illegali.
Ma ġiex muri li l-imputat huwa persuna kriminali għaliex il-fedina penali tiegħu hi waħda kważi kompletament netta. Jirriżulta wkoll li l-imputat ghandu impjieg u ħajja stabbli. Għal dawn il-motivi l-imputat instab ħati u ġie kundannat 18-il xahar priġunerija iżda sospiċi għal tliet snin. Huwa ġie mmultat ukoll €1,200 u skwalifika milli jkollu jew li jikseb liċenzja tas-sewqan għal żmien sena. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Godwin Scerri.
//= $special ?>

