Saħħa Sport

Studju juri li l-eżerċizzju fiżiku jsaħħaħ l-immunità u jgħin biex il-vaċċin ikun aktar effettiv

Studju li sar mill-Università ta’ Glasgow fl-Iskozja juri li l-eżerċizzju fiżiku jsaħħaħ l-immunità u jgħin biex il-vaċċin ikun aktar effettiv.

Li l-isport huwa ta’ benefiċċju huwa ġa stat ta’ fatt magħruf hekk kif permezz tal-eżerċizzju wieħed jevita mard kroniku flimkien ma’ dietà tajba. Studju li sar fl-2008 sab li n-nuqqas ta’ attività fiżika twassal għal ħames miljun mewta fis-sena.

L-istudju li kien imexxi mill-Professur Sebastien Chastin sab li persuni li jagħmlu attività fiżika b’mod regolari tgħin biex issaħħaħ l-immunità kif ukoll inaqqas ir-riskju li persuna tkun marida serjament kif ukoll li tmut kaġun ta’ xi marda infettiva. L-istudju sab ukoll li l-vaċċin fuq persuni li jagħmlu l-eżerċizzju fiżiku b’mod regolari jkunaktar effettiv.

Ix-xjentisti li ħadu sehem f’dan l-istudju, ġabru evidenza dwar l-impatt tal-attività fiżika fil-konfront ta’ mard infettiv u li jista’ jikkaġuna l-imwiet, bħal ‘pneumonia’, fejn hija l-kaġun tal-maġġoranza tal-imwiet f’nies li taqbadhom il-COVID-19. L-istudju wera’ li persuna li jagħmlu minn tal-inqas attività fiżika ta’ 30 minuta fil-ġimgħa għandhom 37% anqas riskju li jmutu jew li jimirdu b’mod serju. L-attività fiżika tgħin biex isaħħaħ il-livell ta’ ‘immunoglobulin IgA’ li huwa ‘antibody’ li jsaħħaħ l-immunità tal-pulmun u partijiet oħra fil-ġisem. Persuna li tagħmel attività fiżika għandha ċans li l-vaċċin fuqha jkun 50% aktar effettiv.

L-istudju kkonkluda wkoll li permezz tal-attività fiżika, il-poplu jkun aktar b’saħħtu u jkun aktar kapaċi jiġġieled mard infettiv u pandemiji fil-futur. L-istes studju jinkoraġixxi wkoll lill-gvernijiet biex jinkoraġixxu lill-poplu tagħhom biex ikun aktar attiv fiżikament.

F’pajjiżna bħalissa l-isport kollu huwa wieqaf kemm dak professjonali u anke dak amatorjali fejn s’issa għad m’hemm data speċifika meta dan se jkun jista’ jirritorna.