Futbol Sport

Boycott fuq il-midja soċjali mill-klabbs tal-Premier League fil-ġlieda kontra r-razziżmu

Il-klabbs tal-Premier League flimkien mal-assoċjazzjonijiet tal-futbol fl-Ingilterra, ħabbru li fi tmiem il-ġimgħa d-dieħla se jkunu qed jagħmlu boycott fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali, fil-ġlieda tagħhom kontra r-razziżmu immirat lejn bosta plejers u uffiċjali fil-logħba tal-futbol.

Fil-boycott li se jibda mill-Ġimgħa fit-3pm u jintemm it-Tnejn fil-11.59pm, se jkunu qed jipparteċipaw fih klabbs mill-Premier League, English Football League, Women’s Super League u l-Women’s Championship.

Dawn mhux se jkunu attivi fuq l-accounts ta’ Facebook, Twitter u Instagram, sabiex joħolqu għarfien u emfażi fuq il-problema tar-razzismu fuq il-midja soċjali, bl-għan ewlieni jkun li dawn il-kumpaniji jieħdu aktar azzjoni sabiex jeqirdu din il-problema mill-mezzi socjali.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Premier League Richard Masters stqarr li, “din it-tip ta’ mġieba fuq il-midja soċjali m’hijiex aċċettabli”, filwaqt li qed jitolbu azzjoni aktar b’saħħitha mill-kumpaniji tal-midja soċjali.

Fl-aħħar xhur diversi plejers sfaw vittma ta’ kummenti razzisti fuq il-midja soċjali fosthom Anthony Martial, Marcus Rashford, Trent Alexander-Arnold u Sadio Mane kif ukoll Reece James u Tyrone Mings.