Futbol Sport

Ceferin iwissi lit-timijiet ta’ Real Madrid, Barcelona u Juventus, li għadhom jemmnu fis-Super League

Il-President tal-UEFA Alexander Ceferin wissa lit-timijiet ta’ Real Madrid, Barcelona u Juventus li għadhom fil-European Super League li dawn jistgħu jaffaċjaw konsegwenzi ħorox, kemm-il darba jibqgħu jemmnu f’dan il-proġett. Ceferin saħaq dawn it-timijiet għadhom qed jaffaċjaw li jiġu mkeċċija mill-kampjonati rispettivi tagħhom, jekk se jibqgħu jippersistu bis-Super League.

Filwaqt li kkritika bl-aħrax lil dawn it-timijiet, Ceferin faħħar lis-sitt timijiet Ingliżi u lill-partitarji tagħhom għall-irwol li kellhom biex dan il-proġett sfaxxa, minkejja li rrikonoxxa li l-UEFA jrid ikollha aktar djalogu mal-partitarji, li fl-aħħar snin spiċċaw ma ngħatawx widen. Ceferin ikkometta ruħu wkoll li se l-UEFA se tkun qed terġa’ tevalwa r-riforma proposta tal-UEFA Champions League, fejn minn 32 il-parteċipazzjoni sa titla’ għal 36 tim, liem proposta kienet ikkritikata ferm minn Pep Guardiola u Jurgen Klopp, fost l-oħrajn.

Il-President tal-UEFA faħħar ukoll b’mod speċjali lil Prim Ministru Boris Johnson kif ukoll lis-Segretarju tal-Kultura Ingliż, fejn kompla jqawwi t-tamiet li l-Ingilterra, Wales, l-Iskozja u l-Irlanda, jkunu magħżula biex jospitaw it-Tazza tad-Dinja tal-2030.