Internazzjonali

Ċinema: L-għajnejn kollha fuq is-Serata tal-Oscars virtwali

L-akbar ismijiet ta’ Hollywood qed iħejju għas-Serata tal-Academy Awards  — jew l-Oscars — li jippremjaw lill-protagonisti li l-aktar li ddistingwew ruħhom fil-qasam taċ-ċinema matul is-sena preċedenti. Din is-serata virtwali se ssir matul il-lejl u għandha tkopri numru ta’ lokalitajiet madwar id-dinja.

Intant, u kuntrarju għal ċerimonji simili bħall-Golden Globes, il-Baftas u l-Emmys, l-organizzaturi tal-Oscars talbu lill-personalitajiet ( fosthom l-atturi, il-produtturi u d-diretturi tal-films) biex jattendu personalment f’waħda mil-lokalitajiet ta’ premjazzjoni.

Il-film ‘Mank’ hu l-aktar wieħed li kiseb nominazzjonijiet (10) għall-Oscar iżda mhux mistenni jirbaħ il-premijiet ewlenin. Intant, il-films ‘Nomadland’, ‘Minari’ u ‘Ma Rainey’s Black Bottom’ qed jissemmew fost il-films favoriti fl-aqwa kategoriji tal-Academy Awards.

Id-93 edizzjoni tal-Oscars qed issir xahrejn wara ż-żmien tradizzjonali għall-premjazzjoni tal-Awards minħabba l-impatt tal-pandemija tal-Covid-19.

L-elementi ewlenin taċ-ċerimonja qed ikunu bażati bħas-soltu fil-belt ta’ Los Angeles, bl-avvenimenti jihnqasmu f’żewġ lokalitajiet – f’dan il-każ id-Dolby Theatre u l-Union Station.

L-organizzaturi ta’ Oscar Night ħasbu wkoll f’lokalitajiet internazzjonali, bil-BFI ta’ Londra, fl-Ingilterra, isservi bħala l-hub għall-personalitjiet Britanniċi li kienu nominati għal Academy Award. Sadanittant, twaqqaf studio ieħor f’Pariġi għall-protagonisti Franċiżi biċ-ċans li jirbħu Oscar.

Fl-istess ħin, il-personalitajiet innominati għal Oscar kienu infurmati biex, waqt is-serata, jevitaw li jippreżentaw ruħhom fuq platforms virtwali bħal Zoom.