Fl-aħħar sigħat tilef ħajtu raġel ieħor, li kellu 67 sena, bil-COVID-19 waqt li kien rikoverat fl-Isptar Mater Dei. Dan ifisser li t-total ta’ imwiet issa tela’ għal 413.
Saħħa ħabbar ukoll li fl-aħħar sigħat ġew irraportati 25 każ ġdid u fiequ 35 persuna oħra biex b’hekk il-każi attivi huma ta’ 465.
Intant, minn għada, it-Tnejn 26 t’April, se jiġu rilaxxati wħud mill-miżuri meħuda ġimgħat ilu, jiġifieri:
- Se jitħallew jinġemgħu sa massimu ta’ 4 persuni fi spazji pubbliċi;
- Il-gruppi ta’ persuni li jiltaqgħu fi proprjetajiet residenzjali se jiżdied għal 4 residenzi;
- Il-mużewijiet se jiftħu għall-pubbliku;
- Ħwienet ta’ bejgħ mhux essenzjali u ħwienet li jipprovdu servizzi mhux essenzjali jistgħu jiftħu
U f’aħbar oħra, numru ta’ persuni niżlu Tas-Sliema fi protesta spontanja kontra l-użu tal-maskri, fost oħrajn. Huma bdew jitolbu l-libertà fid-dawl tal-pandemija tant li ma libsux maskra waqt din il-protesta. Fuq il-post, minnufih wasslu membri tal-Pulizija fejn ħarku lil dawk li kienu qed jiksru l-miżura maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika tal-ilbies tal-maskri.