Lokali Turiżmu

“Dokument pożittiv, serju, studjat u prattiku”

Ritratt: Matthew Tabone
Il-pjan strateġiku tal-Partit Nazzjonalista tfisser mis-setturi kollha li jiffurmaw l-industrija tat-turiżmu bħala dokument pożittiv, serju, studjat u prattiku

IL-PJAN STRATEĠIKU 2+8 GĦALL-IRKUPRU U L-IŻVILUPP TAS-SETTUR TURISTIKU

•           Qbil li d-dokument hu wieħed studjat u analizzat li juri bl-aktar mod ċar mhux biss fiex tinsab l-industrija   tat-turiżmu attwalment… iżda xi triq trid taqbad għax-xhur immedjati biex is-setturi

Nhar l-Erbgħa li għadda l-Partit Nazzjonalista nieda d-dokument ‘Pjan Strateġiku 2+8 għall-irkupru u l-iżvilupp tas-settur turistiku’ u minn stħarriġ li għamlet din il-gazzetta fost diversi msieħba jirriżulta li dan id-dokument intlaqa’ tajjeb, bl-istess imsieħba jemmnu li saħansitra dan jista’ jservi bħala bażi biex ikunu implimentati  proposti għall-ġid tal-istess industrija.

Tkellimna ma’ firxa wiesgħa ta’ persuni li qalulna li fit-tfassil ta’ dan id-dokument il-Partit Nazzjonalista kkonsulta magħhom u s-suġġerimenti tagħhom issa jinsabu inklużi f’dan id-dokument.

Ir-reazzjonijiet li ħadna huma:

Andrew Agius Muscat, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Restoranti, qal li dan id-dokument dwar it-turiżmu mniedi mill-Partit Nazzjonalista hu wieħed pożittiv u fih innifsu hu wkoll messaġġ ta’ awgurju pożittiv għaliex jolqot numru ta’ prinċipji mill-aktar kruċjali għas-suċċess jew le fl-industrija tat-turiżmu.

Fost l-oħrajn dan id-dokument jixpruna ħsieb dwar l-aspett ferm importanti tas-sigurtà f’pajjiżna. It-turisti kollha jfittxu s-sigurtà tagħhom hekk kif ikunu se jżuru xi mkien. Aħna f’dan is-settur konna minn ta’ quddiem. Issa rridu nieħdu kont ukoll tas-sigurtà f’termini ta’ saħħa minħabba l-pandemija.

Dan id-dokument jixpruna wkoll ħsieb dwar l-importanza tal-konnettività. Aħna pajjiż li hu gżira u għalhekk hu importanti ħafna li jkollna sistema tajba ħafna li tgħaqqadna mal-kumplament tad-dinja.

Dan id-dokument jixpruna wkoll il-ħsieb dwar is-sostenibbiltà tal-prodott kemm mil-lat ambjentali kif ukoll mill-att finanzjarju. Tajjeb li nżommu quddiem għajnejna li kull żvilupp u investiment li jsir f’pajjiżna, fil-verità jsir għall-poplu Malti u Għawdxi u t-turist jiġi wara, fis-sens li jgawdi dawn il-prodotti u servizzi darba jiġi jżur il-gżejjer Maltin.

Dan hu dokument ta’ viżjoni pożittivi u  rridu napprezzaw li inizjattivi bħal dawn huma inkoraġġanti għaliex iwasslu lil min ikun involut fis-suġġett, f’dan il-każ is-settur turistiku, biex jieqaf, jiddiskuti u janalizza dak li jkun qed jingħad.

Proprju dan id-dokument dwar it-turiżmu joħroġ b’għadd ta’ proposti mill-aktar validi li jindirizzaw lid-diversi aspetti tal-industrija li s-suċċess tagħha hu bbażat mit-tmexxija u d-direzzjoni, iżda wkoll mill-kwalità tas-servizz li jkun qed jingħata.

Għalhekk hu imperattiv li t-tmexxija u d-direzzjoni f’industrija bħal din tkun waħda ċara u b’miri ċari, iżda wkoll li s-servizz li jkun qed jingħata jkun wieħed professjonali li fih innifsu jservi wkoll ta’ reklam pożittiv għal pajjiżna.

Wieħed ma jridx jinsa li għal pajjiżna t-turiżmu hu industrija mill-aktar kruċjali u kemm-il darba din l-industrija – li direttament u indirettament timpjega għexieren ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin kif ukoll ta’ barranin – ma tatix il-massimu lit-turisti li jkunu fostna, allura r-reklam li jirċievi pajjiżna ma jkunx dak mixtieq. Kulħadd jaf bil-kompetizzjoni ħarxa fil-Mediterran u għalhekk pajjiżna għandu jkollu l-aħjar policies u pakketti mhux biss biex minnhom igawdi t-turist li jkun qed iżurna, imma anki l-ekonomija tal-pajjiż.

Hu fundamentali li kulħadd jifhem li għal pajjiż ċkejken bħal tagħna fejn m’għandniex riżorsi, it-turiżmu hu pilastru prinċipali fl-ekonomija ta’ pajjiżna u għalhekk il-kontribut pożittiv minn kull parti hu meħtieġ ħafna u tajjeb li wieħed japprezza li t-tiġdid u l-aġġornamenti għandhom ikunu kontinwi biex hekk pajjiżna jibqa’ joffri prodott frisk li jirrifletti dak li jkun qed ifittex it-turist fil-ħajja tal-lum.

Ronald Bowman,  Eks President tal-Assoċjazzjoni tal-Gwidi, qal li dan id-dokument hu wieħed tassew imħejji b’mod professjonali u dawk kollha warajh, inkluż ukoll dawk kollha li kkontribwew biex seta’ jitfassal, ħaqqhom kull tifħir.

Għaliex f’pajjiżna għandna bżonn ta’ diskussjoni serja dwar lil fejn għandna nieħdu lill-industrija tat-turiżmu li minnha jiekol xi ftit jew wisq kulħadd. Ejja napprezzaw li qed nitkellmu dwar l-akbar industrija li għandu pajjiżna u li bħalissa din l-industrija hi litteralment mejta minħabba l-pandemija.

Issa li nafu ben tajjeb xi jfisser li jkollok industrija bħal din li tispiċċa staġnata, allura lkoll kemm aħna – kulħadd – għandu jagħti s-sehem tiegħu biex l-ewwel nirkupraw mill-istat li qegħdin fih, it-tieni biex bil-mod il-mod nirritornaw għan-normalità, u, it-tielet, biex nibdew nippjanaw għas-snin li ġejjin fejn bir-raġun kollu dan id-dokument jisħaq li għandna nissaħħu.

Naturalment hemm diversi aspetti li wieħed għandu jiddiksuti u janalizza grazzi għal spunti li joħorġu minn dan id-dokumenti.

Jien se nindirizza aspett wieħed biss… l-aspett li aħna gżira mdawra b’baħar sabiħ kważi s-sena kollha. Mela l-Istat, l-investituri u l-kumplament tal-imsieħba għandhom jassiguraw li pajjiżna jkun tassew ta’ attrazzjoni għal skop ta’ baħar. Meta ngħid hekk inkun qed infisser mhux biss għall-għawm u biex dak li jkun joqgħod jilgħaq ix-xemx, imma nkun qed ngħid għall-isport tal-baħar, għall-għadds u għal diversi affarijiet oħrajn relatati mal-baħar.

F’kull lokalità għandu jkun hemm slip ways komdi biex dak li jkun itella’ u jniżżel l-inġenji tiegħu. It-turisti jogħxew meta jiġu Malta u jaraw il-baħar blu li għandna. Mela ejja nħajruhom igawdu aktar il-baħar billi jikru opri varji tal-baħar u jgawduhom mal-kosta tagħna.

Mhux biss iżda, hemm ukoll diversi dixxiplini sportivi fuq livell nazzjonali li wkoll nistgħu nattirawhom lejn Malta għaliex awtomatikament b’hekk Malta tkun qed tieħu reklamar fix-xena internazzjonali.  Anki l-lukandi u l-istabbilimenti viċin il-baħar għandhom ikunu mħeġġa jinvestu f’dan ir-rigward.

Philip Fenech, il-President tal-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji, qal li hekk kif fis-sigħat li għaddew irnexxielu jifli mill-qrib dan id-dokument dwar it-turiżmu mniedni f’nofs din il-ġimgħa mill-Partit Nazzjonalista, jista’ josserva li dan hu eżerċizzju li jaqbad lill-industrija tat-turiżmu u janalizza lis-setturi kollha li jiffurmawha… jiġifieri lid-diversi oqsma li flimkien imbagħad jagħmlu pakkett wieħed x’pajjiżna jkun qed joffri biex jattira lit-turisti lejh.

Għalhekk dan id-dokument dwar it-turiżmu wieħed jista’ jiddeskrivih bħala eżerċizzju ħolistiku li jagħti l-opportunità lil dak li jkun li taħt kappa waħda jara lis-setturi kollha fit-turiżmu, iżda mbagħad jindirizzalhom b’mod micro l-bżonnijiet tagħhom biex hekk ikunu jistgħu jtejbu l-prodotti u s-servizzi tagħhom.

Hu importanti li min imexxi u li min ikun qed jagħti d-direzzjoni lil settur jew ieħor fl-industrija tat-turiżmu jifhem ukoll l-aspetti li jiltaqgħu magħhom dawk direttament involuti fl-għoti tas-servizz u fit-tħejjija tal-prodott.

Qed nitkellem dwar l-importanza wkoll li d-deċiżjonijiet jittieħdu wara li wieħed jara wkoll mill-perspettivi tax-shop floor level… li wieħed ikun ħa f’inkonsiderazzjoni kif se jintlaqtu dawk li qed jagħtu l-prodott; dawk li qed iħejju s-servizz. Għaliex minn fuq ċerti affarijiet jista’ jkun li jkunu qed jidhru mod, iżda minn livelli oħrajn tal-operat, l-istess affarijiet jista’ jkun li jkunu qed jidhru mod ieħor.

Tajjeb li kulħadd japprezza li għalkemm l-industrija tat-turiżmu hi industrija waħda, iżda finalment din hi magħmula minn għadd ġmielu ta’ setturi differenti. Bħal kwadru kbir magħmul minn diversi biċċiet… il-kwadru hu wieħed, iżda jiffurmawh hemm għadd ta’ biċċiet li lkoll huma importanti u li lkoll jagħtu kontribut siewi u validu biex dan il-kwadru jiffunzjona fit-totalità tiegħu.

Għalhekk hu tajjeb li dokument bħal dan li jkun ilu jissawwar u li jkun inħadem bis-sehem ta’ għadd ta’ persuni, ikun studjat tajjeb biex il-proposti tajbin u li jagħmlu sens għall-industrija jkunu applikati u mħaddma b’suċċess kemm għall-ġid ta’ pajjiżna u anki għad-dħul dirett fil-bwiet ta’ min jinvesti u tal-ħaddiem.

Joe Muscat,  il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, qal li l-Assoċjazzjoni kienet ikkonsultata fit-tfassil ta’ dan id-dokument dwar it-turiżmu fil-gżejjer Maltin u min-naħa tagħha tat l-ideat u l-proposti tagħha.

Dan hu dokument li jippreżenta strateġija li qed tħares lejn is-sitwazzjoni turistika minn żewġ aspetti… l-ewwel mill-aspett short-term, imbagħad mill-aspett long-term fejn allura l-miżuri jridu jittieħdu għat-tul.

Hemm diversi inizjattivi msemmija li jolqtu lis-settur turistiku kollu fil-gżejjer Maltin. Tnejn li l-aktar li jattiraw l-attenzjoni huma l-miżura tar-riduzzjoni tal-VAT għal sebgħa fil-mija għar-ristoranti u li aħna nixtiequ narawha mifruxa fuq l-attività turistika kollha, kif ukoll ir-riklassifikazzjoni tal-units tal-akkomodazzjoni.

Apparti minn hekk hemm diversi miżuri oħra li aħna bħala Assoċjazzjoni ilna s-snin nipproponu li għandhom ikunu kkunsidrati.

Fuq livell reġjonali, għaliex dan id-dokument jirriferi wkoll fid-dettall dwar it-turiżmu f’Għawdex, nosservaw li qed jissemmew diversi inizjattivi li kienu proposti lill-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, fosthom is-servizz koordinat bejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u Għawdex, ir-riferiment tal-liċenzji, il-bolla u l-VAT, kif ukoll miżuri indirizzati biex inkomplu nippromwovu lil Għawdex bħala destinazzjoni għalih.

Proposta oħra tal-Assoċjazzjoni li kienet inkluża f’dan id-dokument hi li Għawdex għandu jibda jiddiversifika l-profil tat-turist tiegħu billi mmorru wkoll għal turist aktar żagħżugħ u għal turisti li huma interessati f’turiżmu ta’ avventura, attività u sport.

Proposta oħra wkoll hi l-iskema ta’ Green Gozo li tgħin biex ittejjeb l-infrastruttura tal-istabbilimenti turistiċi f’Għawdex ħalli dawn ikunu aktar ambjentalment sani.

Fejn jirrigwarda lil Għawdex tidħol ukoll il-kwistjoni tal-aċċessibbiltà u f’dan id-dokument tissemma’ l-flotta tal-vapuri tal-Gozo Channel li tkun imġedda, jissemma’ wkoll il-heliport fejn aħna nixtiequ naraw l-introduzzjoni ta’ servizz b’ajruplan żgħir, kif ukoll tissemma’ l-mina li aħna bħala Assoċjazzjoni ma naqblux magħha kif inhi proposta bħalissa, iżda jekk għandu jkun hemm mina din għandha tkun parti minn sistema nazzjonali ta’ trasport tal-massa li tgħaqqad lil Għawdex ma’ diversi destinazzjonijiet f’Malta.

Reuben Buttigieg, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering, qal li milli ra sa issa dan id-dokument dwar it-triq ’il quddiem għall-industrija tat-turiżmu fil-gżejjer Maltin hu wieħed mill-aktar interessanti għaliex jinkludi spettru differenti ta’ ideat, ħsibijiet, proposti, suġġerimenti u anki mod differenti kif jistgħu jsiru l-affarijiet għall-ġid tal-industrija.

Fost l-aktar proposti inkoraġġanti hemm il-proposta tat-tnaqqis tal-VAT. Diskors dwar dan ilu jingħad qatigħ u saħansitra anki qabel il-pandemija konna qed niġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet li kien hemm għadd ġmielu ta’ pajjiżi kompetituri tagħna li kellhom il-VAT tagħhom għat-turiżmu orħos minn tagħna, u dan kien qed jagħmel il-prodott Malti fi żvantaġġ. Illum Malta hi fost l-ogħla pajjiżi f’dan ir-rigward, anki minħabba l-fatt li waqt il-pandemija kien hemm għadd ta’ pajjiżi li komplew iraħħsu r-rata tal-VAT tagħhom.

Dan id-dokument dwar it-turiżmu jidher li minbarra ideat u suġġerimenti ġodda indirizzati lil setturi varji fit-turiżmu, jerġa’ jagħtu l-ħajja lil numru ta’ ħsibijiet li fil-verità kienu diġà varati snin ilu għat-titjib fl-industrija iżda għal xi raġuni baqgħu biss fuq il-karta.

Jekk wieħed jifli sew dan id-dokument isib li dan jidħol f’ċerti dettalji importanti. Pereżempju jindirizza lill-catering u lill-gastronomija għaliex fl-aħħar mill-aħħar l-ikel hu fost l-aktar elementi importanti fit-turiżmu. Jindirizza wkoll lill-irħula u d-dehra tagħhom għaliex fl-aħħar mill-aħħar it-turisti li jiġu fostna jżuru u jduru mal-irħula Maltin u Għawdxin u għalhekk hu importanti ħafna li dawn jilħqu l-aspettattiva tal-istess viżitaturi. Dan id-dokument jindirizza wkoll il-potenzjal ta’ pajjiżna fil-kamp tal-isport. Aħna, pereżempju, imdawrin bil-baħar u dan jagħti lil pajjiżna vantaġġi kbar li tajjeb li jkunu sfruttati bil-għaqal u bl-aktar mod intelliġenti għaliex għal dan is-settur fit-turiżmu hemm domanda qawwija.

Ikun żball jekk noqogħdu nistrieħu fuq is-suċċessi li nkunu ksibna. It-turiżmu hu industrija fejn irridu naqdu l-ħin kollu kemm bħala pajjiż kif ukoll bħala poplu għaliex mit-turiżmu jintlaqat kulħadd u għalhekk kulħadd għandu jagħmel il-parti tiegħu, żgħira jew akbar, biex finalment il-prodott Malti u s-servizz Malti jħallu impatt pożittiv fuq it-turist li jżurna.

Tajjeb li wieħed japprezza li finalment hu l-istess turist li jmur lura f’pajjiżu u jitkellem dwar dak kollu li jkun għadda minnu waqt il-vaganza jew xogħol li jkun għamel f’pajjiżna. Kemm-il darba l-esperjenza f’Malta tkun waħda pożittiva, allura dan se jkun qed jagħmel l-aqwa reklam għal pajjiżna… u dan hu effettiv ħafna.

Iain Tonna, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Aġenti tal-Ivvjaġġar, qal li mill-ewwel analiżi tiegħu dwar dan id-dokument dwar it-turiżmu mħejji mill-Partit Nazzjonalista, jislet numru ta’ aspetti, fosthom il-kunċett varat ta’ pjan strateġiku 2+8 bil-mira tkun mhux biss l-irkupru għall-industrija wara din l-eperjenza diffiċli li pajjiżna għadda minnha fis-sena u nofs li għaddiet minħabba l-pandemija, iżda wkoll għat-tisħiħ u l-iżvilupp meħtieġ u mixtieq biex is-settur turistiku jissokta jibni fuq it-tajjeb li diġà hemm.

Kulħadd jaqbel li l-industrija tat-turiżmu hi mill-aktar importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna u għalhekk hu imperattiv li din l-industrija tkompli tkun indukrata u msaħħa għall-ġid ta’ pajjiżna.

Kulħadd irid jifhem li xejn ma jiġi mix-xejn u s-suċċess li pajjiżna jista’ jikseb mit-turiżmu, jista’ jiksbu biss kemm-il darba jippjana bil-quddiem, ifassal bil-għaqal, jara s-swieq l-oħrajn x’inhuma jagħmlu, jitkellem mas-setturi l-oħrajn kollha li jiffurmaw din l-industrija, jara l-investituri x’qed jagħmlu, iħares ukoll lejn l-affarijiet mil-lenti tal-ħaddiema li jkunu qed jaħdmu direttament mat-turisti… Din hi kullana ffurmata minn għadd ta’ ħoloq differenti li iżda flimkien jagħmlu l-katina waħda twila u b’saħħitha.

Hi mossa tajba ħafna dik li qed jagħmel dan id-dokument… dik li jiffoka fuq l-irkupru li l-industrija se jkollha bżonn għas-sentejn li ġejjin wara d-daqqa li ħadet Malta fis-sena u nofs li għaddiet. Issa rridu lkoll niġbdu ħabel wieħed biex nerġgħu lura għan-normalità u dak hu l-perjodu tal-irkupru biex wara l-ħafna telf kbir li sar, nippruvaw inqumu fuq saqajna u nippruvaw nerġgħu lura għall-mixja li konna mexjin biha qabel. Iżda dan id-dokument jidher li ma jiqafx hemm għaliex iħares aktar lil hinn lejn it-tmien snin ta’ dan id-deċennju u jħejji għalihom skont id-diversi setturi li jiffurmaw l-industrija tat-turiżmu. Din hi kombinazzjoni tajba ħafna u hu importanti li kulħad jagħti s-sehem tiegħu biex is-suġġerimenti u l-ideat it-tajbin jittieħdu u jitwettqu fil-prattika.

Frans Van Avendonk, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Gwidi, qal li hu sodisfatt jara dan dokument bħal dan li hu mibni u mħejji b’serjetà kbira għaliex iħares lejn il-futur immedjat, iżda wkoll lejn il-futur aktar imbiegħed ta’ dawn is-snin għoxrin.

Mill-ewwel analiżi tiegħu dwar dan id-dokument jirriżulta li dan hu dokument dwar it-turiżmu mħejji wara li kienu mitkellma d-diversi setturi direttament involuti fit-turiżmu. Jiġifieri min sawwar dan id-dokument dwar il-bżonnijiet tal-industrija tkellem ma’ kull settur li jifforma parti minn din l-industrija u kellu l-opportunità li jisma’ direttament x’inhuma l-bżonnijiet ta’ kull settur u kif l-istess settur jista’ jterraq ’il quddiem.

Tajjeb li wieħed japprezza li għalkemm l-industrija tat-turiżmu hi ffurmata minn diversi setturi differenti, madanakollu kull settur għandu l-bżonnijiet tiegħu u għandu wkoll il-ħtiġiet tiegħu li jridu jkunu indirizzati b’mod speċifiku.

Dan ix-xogħol jidher li dan id-dokument għamlu u għalhekk qed jindirizza lis-setturi fl-industrija skont il-bżonnijiet tagħhom. Hu fatt ċert li bħalissa s-setturi kollha fl-industrija għandhom il-bżonn li jerġgħu jiksbu l-fiduċja fihom infushom u jqumu mill-ġdid fuq riġlejhom biex jibdew mill-ġdid l-operat tagħhom. Il-vantaġġ ta’ dawn is-setturi hu li dawn ilkoll għandhom esperjenza vasta, iżda fix-xenarju l-ġdid li se nkunu qed ngħixu issa, kulħadd irid jadatta għal sitwazzjonijiet u rekwiżiti ġodda li se jkunu jiddependu minn diversi fatturi.

Hu għalhekk sabiħ li xi ħadd jimbarka fuq dokument bħal dan; dokument ħolistiku li fih għadd ġmielu ta’ ideat u proposti kif l-industrija tat-turiżmu tista’ tkompli tissaħħa u kemm-il darba jiġri hekk, allura se jkun qed igawdi l-pajjiż, se jkun qed igawdi l-investitur, se jkun qed igawdi l-ħaddiem full-time u dak part-time… u se jkun qed jibbenefika bil-kbir ukoll it-turist li jiġi jqatta’ numru ta’ jiem fostna.

Paul Scicluna, il-President tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, qal li d-dokument dwar it-turiżmu mniedi mill-Partit Nazzjonalista hu wieħed li jinkludi għadd ta’ proposti mill-aktar validi u f’waqthom tant li dwarhom l-istess Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu ilha għadd ta’ snin tenfasizza l-bżonn tagħhom.

Hu importanti li min hu fit-tmexxija tal-pajjiż jagħti kas u widen ta’ dawn il-proposti għaliex dawn huma proposti li huma ta’ ġid għall-industrija fid-diversi setturi tagħha. Pajjiżna jiddependi ħafna mill-industrija tat-turiżmu u l-ekonomija tmurx tajjeb jew le, tmurx ’il quddiem jew le, tiddependi ħafna minn kif ikun sejjer l-andament fit-turiżmu.

Tajjeb li wieħed jiftakar li mit-turiżmu, direttament jew indirettament, jiekol kulħadd. Prattikament f’kull familja ssib lil xi ħadd li direttament jew indirettament għandu d-dħul kollu jew parti mid-dħul tiegħu ġej minn xi investiment jew xogħol li għandu f’xi settur jew ieħor tat-turiżmu u għalhekk min ikun qiegħed imexxi lill-pajjiż irid jagħti widen u kas tas-suġġerimenti u l-proposti li jkunu qed isiru minn żmien għal żmien.

Dan hu dokument validu ħafna għaliex fih sensiela ta’ proposti li tajjeb li wieħed jistudja u jixtarr biex jara kif jista’ japplikahom biex l-affarijiet ikomplu jitjiebu għaliex meta l-affarijiet ikomplu jitjiebu, allura xi ftit jew wisq igawdi pajjiżna u jgawdi l-poplu Malti u Għawdxi wkoll.

Tajjeb li wieħed japprezza wkoll li meta qed nitkellmu dwar it-turiżmu, qed nitkellmu wkoll dwar il-prodott immirat għal Malta, iżda wkoll dwar il-prodott immirat għal Għawdex għaliex Għawdex għandu l-bżonnijiet partikulari tiegħu li huma aktar esiġenti invista tal-fatt li Għawdex hu gżira fi gżira.

Alan Arrigo, Direttur fil-Kamra tal-Kummerċ, qal li dan hu dokument dwar it-turiżmu b’differenza. Dan hu dokument li jolqot lil ħafna u mhux lil xi settur jew ieħor. Dan hu dokument ippreparat b’mod li jindirizza lis-setturi varji li jiffurmaw lill-industrija tat-turiżmu.

Kuntrarju għal dak li ġieli ġara fil-passat meta xi ħadd kien iħejji dokument u jindirizza biss ftit setturi, dan hu dokument wiesa’ li jindirizza lil għadd ta’ setturi fl-industrija u jitkellem dwar x’inhuma l-bżonnijiet tagħhom biex dawn mhux biss jagħmlu l-irkupru li issa se jkollhom bżonn, iżda biex jibdew mexjin ’il quddiem fis-snin li għandna quddiemna.

Bla dubju ta’ xejn li issa pajjiżna, flimkien mal-pajjiżi l-oħrajn kollha, se jaffaċċjaw realtajiet ġodda. Ir-realtajiet ta’ wara l-pandemija li xorta waħda dwarhom jibqa’ ħafna mistoqsijiet xi jkunu mwieġba. Fis-sens li l-pandemija se tibqa’ magħna jew le? Se jkollna nidraw ngħixu bil-pandemija magħna jew le?

Għalhekk fl-industrija t-turiżmu bilfors li wieħed irid jippjana bil-quddiem u jkun jaf tajjeb ħafna mhux biss x’inhu jagħmel hu biex jattira lit-turisti lejh, imma wkoll xi jkunu qed jagħmlu l-kompetituri tiegħu biex jattiraw is-swieq lejhom.

Il-kompetizzjoni fix-xhur u s-snin li ġejjin se tkun waħda ħarxa u għalhekk hu importanti ħafna li f’pajjiżna jkollna l-aħjar ħsibijiet u ideat flimkien mal-aqwa għodda biex nattiraw it-turisti lejna.

Hu proprju dak li qed jixpruna dan id-dokument dwar it-turiżmu fis-sens li qed jippromwovi għadd ta’ ideat u inċentivi għal skop ta’ marketing lil hinn minn xtutna biex hekk pajjiżna jkun f’sitwazzjoni li biha jista’ jattira t-turisti lejh.

Hu sigriet magħruf li fit-turiżmu jaħdem ħafna l-eżerċizzju ta’ marketing u reklamar u għalhekk min ikun qed imexxi u anki l-investituri issa jridu jkunu għaqlija fit-tip ta’ marketing li jkunu qed jagħmlu għaliex dak applikat sal-bieraħ mhux bilfors li jista’ jkun applikat għada wkoll.

Fuq kollox l-aqwa marketing għandna neħduh mit-turisti nnifishom li darba jkunu ġew Malta għal skop jew ieħor, jirritornaw b’ħafna esperjenzi pożittivi u bihom iħejju lil terzi oħrajn f’pajjiżhom biex huma wkoll iduqu l-ikel bnin tal-gżejjer Maltin, ix-xemx sabiħa li tagħmel fuqna, il-baħar kaħlani li għandna madwarna… Kollox jiddependi mis-servizz u l-prodott li se nkunu kapaċi noffru u għalhekk dan hu dokument li għandu jkun sfruttat bl-aħjar mod possibbli.

Julian Zarb, espert u għalliem dwar it-turiżmu fl-Università ta’ Malta, qal li hu għandu kliem mill-aktar inkoraġġanti għal dak li qed joffri dan id-dokument dwar it-turiżmu mħejji mill-Partit Nazzjonalista għaliex dan hu dokument bażat fuq studji reċenti u r-rakkommandazzjonijiet li joħorġu minnu huma possibbli li jitwettqu fil-prattika.

Dan id-dokument jinkludi għadd ta’ ideat u suġġerimenti mill-aktar validi u min qiegħed imexxi kif ukoll l-investituri jistgħu jattwaw dawn il-proposti li ġejjin grazzi għal studji li saru u wkoll għaliex huma ġejjin minn dawk li direttament jimmilitaw f’xi settur jew ieħor tal-industrija.

Prattikament dan id-dokument hu maqsum fi tnejn. Għandu l-ewwel parti li hi ffukata fuq ix-xhur u s-snin immedjati ta’ wara dan il-perjodu ta’ staġnar minħabba l-pandemija. Iżda mbagħad hemm it-tieni parti li tħares aktar lil hinn lejn is-snin li jiffurmaw dan id-deċennju.

Dan id-dokument ipoġġi sfida fost kulħadd biex jagħti l-mija fil-mija tiegħu biex il-proposti li fih jitpoġġew fis-seħħ. Kulħadd irid jagħti s-sehem tiegħu. Mhux biss l-Istat. Mhux biss l-investituri. Mhux biss il-ħaddiema. Imma kulħadd. Mit-turiżmu jiekol kulħadd. Anki fuq il-livell ta’ sempliċi ndafa barra. Anke fuq il-livell ta’ sempliċi ħarsien tal-ambjent u l-istorja li għandna. Mela kulħadd jista’ jagħti l-kontribut tiegħu biex ikollna pajjiż sabiħ, miżmum tajjeb, nadif u rikk fl-istorja u mbagħad ma’ dan kollu jidħol il-varjetà fil-prodott u servizz professjonali.

Spiċċa ż-żmien li kollox jgħaddi. Spiċċa ż-żmien fejn wieħed jagħlaq għajn waħda. Illum fl-industrija tat-turiżmu l-esiġenzi huma kbar u l-kompetizzjoni hi akbar u għalhekk hu mistenni biss l-aħjar prodotti u l-aqwa servizzi.  It-turist ifittex dak li jissejjaħ il-value for money u jekk ikun nefaq il-flus u ma jkunx ħa dak li ppretenda, allura se joħroġ diżappuntat u ma jagħmilx l-aħjar reklam għal Malta. Iżda jekk turist jiġi fostna, jingħata l-aħjar servizz u prodott… dan se jkun tal-aqwa reklam għal pajjiżna u l-probabbiltà mhix biss li dak it-turist se jerġa’ jiġi jżurna, iżda se jkun qed iħajjar lil oħrajn ukoll biex huma wkoll jiġu jżuru l-gżejjer Maltin.