Futbol Lokali Sport

ESKLUSSIVA: Il-paġna ta’ Replay tiżvela li Manchester United mistennija jiġu Malta

Wieħed mill-aktar klabbs segwiti f’Malta, Manchester United se jkunu qed jiġu jerġgħu jiġu f’pajjiżna, 21 sena wara l-aħħar darba tagħhom f’Malta. Replay (Net Television) jista’ jiżvela esklussivament li r-Red Devils, mistennija jiġu għal training camp f’Malta, u mistennija jilgħabu tal-anqas partita waħda kontra wieħed mill-klabbs tal-Kampjonat Premier. Manchester United kienu l-aħħar f’Malta f’Awwissu tas-sena 2000. Dak in-nhar kienu lagħbu kontra Birkirkara F.C. u rebħu bl-iskor ta’ 5-1. Fit-tim Ingliż ta’ dak in-nhar, fost l-oħrajn kien hemm il-plejer Norveġiż, Ole Gunnar Solskjær. Illum Solskjær, hu l-kowċ ta’ Manchester United u se jkun hu li se jmexxi dan it-training camp f’pajjiżna, li mistenni jsir lejn l-aħħar ta’ Lulju li ġej. Din l-aħbar għad trid tiġi kkonfermata, iżda mistennija ssir uffiċjali fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin.

Il-post ippublikata minn Replay fuq il-paġna ta’ Facebook, fejn tħabbret din l-istorja esklussiva dwar Manchester United.

M’hemmx dubju li din l-aħbar, se tkun qed twassal għal ewforija kbira mill-partitarji tal-klabb Ingliż f’Malta, speċjalment dawk li b’mod regolari kienu jitilgħu ssegwu lit-tim f’Old Trafford; xi ħaġa li ma setgħux jagħmlu fl-aħħar sena minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19. Madankollu wieħed għad irid jara x’tip ta’ restrizzjonijiet pajjiżna se jkun qed jaddotta f’dan ir-rigward.