“Il-messaġġ tagħna huwa kuljum, is-serjetà ta’ kif inħarrsu lejn il-politka, serjetà biex il-pajjiż nagħmluh aħjar. Jien nemmen li l-mument li nikkonvinċu li nistgħu nagħmlu aħjar, mhux nipproteġu lil sħabna, imma nipproteġu lill-ħaddiem u lil min irid jinvesti, hemm nistgħu flimkien nibnu Malta aħjar.” – Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien intervistat minn Peppi Azzopardi.
Il-Kap tal-PN wassal ukoll messaġġ ċar dwar il-viżjoni tal-PN għal Malta fejn qal li “il-politka qegħda hemm għal kulħadd u importanti li minnha jgawdi kulħadd. Hemm għall-ħaddiem permezz ta’ politka wiesa, li tagħti xogħol ta’ dinjità u xogħol garantit.”
Waqt din l-intervista Bernard Grech kien mistoqsi dwar il-pjan għat-Turiżmu li nieda l-Partit Nazzjonalista din il-ġimgħa fejn saħaq li l-pjan ta’ 10 snin tal-PN kien wieħed ta’ suċċess għaliex mhux biss intlaqa’ tajjeb ħafna iżda sar wara konsultazjoni wiesa mal-istakeholders kollha fejn imbgħad ħarġu aktar minn 100 proposta konkreta biex dan is-settur jirkupra u jissaħħaħ.
Il-Kap tal-PN semma’ kif l-iktar miżuri li niżlu tajjeb mas-settur kienu dawk tat-tnaqqis fil-VAT għar-ristoranti kif ukoll il-miżura tat-tneħħija tal-ħlas tal-liċenzja għal coaches, open top busses, taxis, etc għaliex s’issa minkejja li ma kellhomx xogħol fl-aħħar xhur, xorta baqgħu iħallsu l-liċenzji anke meta ma jistgħux joperaw. Bernard Grech fakkar kif dan il-pjan għat-turiżmu jikludi wkoll lil Għawdex bħala destinazzjoni iktar miftuħa, proposti li fetħu bibien għal aktar investiment fil-Gżira Għawdxija.
Meta mistoqsi dwar l-IVF, Bernard Grech appella biex jitneħħa l-piż finanzjarju minn fuq il-koppji li jagħmlu użu mill-IVF. Il-Kap tal-PN stqarr li dawn huma koppji li jgħaddu minn ħafna diffikultà u għandna nifmhu l-importanza li ngħinuhom.
Il-Kap tal-PN kien mistoqsi wkoll dwar l-aħħar rilaxx ta’ miżuri li ħabbru l-awtoritajiet fejn stqarr li “bla dubju sakemm dawn it-tibdiliet huma bbażati fuq l-espert mediku, sakemm permezz tagħhom se nimxu ‘l quddiem mhux lura, allura huma tajbin.” Bernard Grech saħaq li jinsab kuntent li kulħadd qed jifhem li l-vaċċin waħdu mhux biżżejjed u li għalhekk il-mizuri jridu jibqgħu jittieħdu. Hu baqa’ japella għal kawtela. Mistoqsi dwar il-green passport Bernard Grech qal li jaqbel fuqu u fakkar li madwar xahrejn ilu diġa kien tkellem dwar dan il-passaport waqt summit tal-Partit Popolari Ewropej (PPE), “importanti li nieħdu miżuri biex it-turiżmu jimxu ‘l quddiem. Filfatt il-PN nieda pjan għat-turiżmu ta’ pajjiżna li fih jinkludi miżuri li jgħinu biex pajjiżna jibqa’ sikur.”
Bernard Grech tkellem ukoll dwar il-problema tat-tibdil fil-liġi tal-qasam tal-volontarjat fejn fakkar kif din is-sitwazzjoni qed tinkwieta eluf ta’ voluntiera u NGO’s fil-pajjiż. “Dan il-Gvern sfortunatament jemmen li fil-ħajja hu kollox, il-volontarjat huwa xi ħaġa indispensabbli u jekk mhux se nifmhu din, għadna ma fhimna xejn, f’soċjetà ġusta jrid ikollok il-volontarjat.” Bernard Grech kompla jispjega illi “li tagħmel liġi li tkisser il-volontarjat mhux sew, jien nemmen li dawn il-liġijiet jridu jinbiddlu minnfufih biex l-NGOs ikomplu jagħmlu l-ġid li tant ilhom jagħmlu.”
Mistoqsi dwar il-korruzzjoni u l-aħbarijiet xokkanti li ta’ kuljum nisimgħu herġin mill-Gvern, Bernard Grech qal li “in-nies qed tidhem u mhux kuntenta b’dak li seħħ, mhux kuntenta kif qegħdin illum u kif qed iħares lejn is-sitwazzjoni l-Prim Ministru.” Hu fakkar kif Robert Abela għandu rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li jgħid ċar u tond li l-Ministru Carmelo Abela għamel użu ħażin minn fondi pubbliċi iżda xorta baqa’ ma ħa ebda azzjoni u għadu sal-lum m’għamel xejn. Fakkar kif smajn b’allegazzjonijiet serji dwar Rosianne Cutajar li dwarha għadu ma sar xejn kif l-istess ma sar xejn dwar l-aħħar aħbarijiet inkwrtanti li qed nisimgħu dwar l-manuvri li qed isiru fl-iskema tla-bejgħ tal-passaporti.
Dwar il-hacking li sar fuq is-sistemi tal-PN, Bernard Grech qal li ma jafx min huma dawn in-nies li b’mod illegali ħadu l-l-informazzjoni, saħaq li s’issa għad m’hemmx informazzjoni jekk dan seħħx minn persuni f’Malta jew barra. Il-Kap tal-PN saħaq li l-partit ma jinnegozzjax ma’ kriminali. “Aħna imxejna skont il-liġi, kellimna lill-pulizija u infetħet inkjesta maġisterjali. Kemm hu mportanti li jkollok fiduċja fil-pulizija, meta tkun vittma ddur fuq min suppost iħarsek u għalhekk hemm bżonn li l-istituzzjonijiet jaħdmu.”
Mistoqsi dwar il-Maħfriet Presidenzjali li ma ngħatawx, Bernard Grech saħaq li “dawn huma allegazzjonijiet serji fuq Ministru preżenti u eks Ministru. Naħseb li l-Prim Ministru kellu jsaqsi lill-Ministri u ma jħallix dan id-dell ikraħ fuq il-Kabinett kollu. Il-Kummissarju għandu jinforma għalfejn u kif wasal għal din il-konklużjoni, xi ħaġa serja bħal din hemm bżonn ta’ aktar trasparenza dwarha.”
Meta tkellem dwar il-whitepaper tal-kannabis il-Kap tal-PN qal “aħna qed nagħmlu konsultazzjoni ta’ veru, ma’ min kellu użu, mal-għaqdiet u mal-esperti, imbgħad naslu għall-konklużżjoni wara l-konsultazzjoni. Ma nistgħux ngħidu li l-ħaxixa hija tajba, ma nistgħux nibgħatu messaġġ żbaljat. Irridu nassiguraw li dan il-messaġġ joħroġ.”
//= $special ?>