Il-qtil ta’ mara, impjegata mal-korp tal-pulizija, taħt idejn aggressur ta’ oriġini Tuneżina kienet imfissra mill-Prim Ministru Franċiż, Jean Castex, bħala ‘attakk fuq ir-Repubblika ta’ Franza’.
L-attakk li xokkja lill-pajjiż seħħ fi tmiem ġimgħa fil-belt ta’ Rambouillet, bl-aggressur jagħti diversi daqqiet ta’ sikkina lill-mara – omm ta’ żewġ ulied – waqt li hi kienet qed tagħmel xi xogħol amministrattiv f’għassa tal-pulizija. L-aggressur, wara, inqatel minn tiri li sparawlu l-membri tal-korp li wieġbu għall-emerġenza.
L-awtoritajiet ma tawx raġuni għal dan ir-reat faħxi, iżda l-President Franċiż, Emmanuel Macron, qal li ‘Franza mill-ġdid spiċċat vittma ta’ attakk terroristiku’.
Min-naħa tiegħu Castex sostna li ‘Franza se tirreaġġixxi b’determinazzjoni għat-theddida (terroristika)’ u meta hu, fi tmiem il-ġimgħa, iddiskuta l-iżviluppi f’Pariġi, flimkien mal-Ministri l-oħra tal-Gvern.
Il-Prosekutur Ewlieni ta’ Franza kontra t-Terroriżmu qed imexxi l-investigazzjoni wara li sar magħruf li l-aggressur kien ippjana l-attakk u li hu għajjat ‘Allahu Akbar’ fil-ħin meta hu kien qed jattakka lill-mara.
Franza, fl-aħħar snin, spiċċat mira għal diversi attakki mill-militanti Iżlamiċi, bl-awtoritajiet lokali qed iżommu livell kontinwu ta’ allert għall-possibbiltà li l-fanatiċi fundamentalisti jwettqu aktar dmija fl-ibliet Franċiżi.
F’Ottubru li għadda, għalliem tal-iskola Franċiżspiċċa maqtul brutalment fis-subborg ta’ Conflans, qrib Pariġi — bl-aggressur tiegħu ikun adolexxenti fanatiku ta’ oriġini Ċeċena li aġixxa b’dan il-mod ‘biex jivvendika l-insulti lill-Islam’. L-aggressur ukoll kien spiċċa maqtul mill-pulizija.
//= $special ?>