Futbol Sport

Illejla Replay fid-9pm | Niddiskutu l-falliment tas-Super League b’mistiedna interessanti

Il-falliment tal-European Super League u r-riperkussjonijiet li dan kollu se jkun qed iġib fil-futbol Ewropew, se tkun it-tema tad-diskussjoni tal-programm Replay tal-lejla u li se tkun qed titwassal f’xandira diretta fid-9pm fuq Net Television. Bi presentazzjoni ta’ Christian Micallef, fid-diskussjoni tal-lejla se jkun qed jiġi diskuss dan is-suġġett ukoll mill-perspettiva ta’ Malta, u kif din l-idea, b’intenzjonijiet purament kummerċjali, tolqot il-futbol Malti u l-klabbs tagħna, kieku jew kemm il-darba ssir realtá.

Replay hu rinomat li ta’ kull ġimgħa jmexxi diskussjoni ta’ livell, b’mistiedna interessanti u hekk se jerġa’ jagħmel din il-ġimgħa anke jekk is-suġġett tal-lejla għandu laqta internazzjonali. Apparti li bħal kull ġimgħa jkun hemm il-parteċipazzjoni tal-mistieden residenti ta’ Replay, Konrad Sultana, din il-ġimgħa preżenti fl-istudio u waqt id-diskussjoni se jkun hemm l-eks membru tal-kumitat ta’ Birkirkara u membru attwali f’wieħed mill-working groups tal-European Clubs Association, John Borg.

Waqt il-programm tal-lejla, se jkun hemm il-parteċipazzjoni ta’ individwi oħra permezz ta’ kollegamenti awdjo-viżivi li jsiru f’xandira diretta waqt il-kors tad-diskussjoni. Fost dawn l-interventi, f’Replay tal-lejla se jkun qed jipparteċipa il-Kap Eżekuttiv ta’ wieħed mill-akbar klabbs fil-Finlandja, u li huma ċ-champions attwali tal-pajjiż, HJK Helsinki, l-ekx plejer internazzjonali Finlandiż, Aki Riihilahti. Aktar minn hekk, Riihilahti hu l-Viċi Ċermen fl-eżekuttiv tal-assoċjazzjoni tal-klabbs Ewropej (ECA), l-istess eżekuttiv li sa ġimgħa llu kellha bħala President tagħha, iċ-Ċermen ta’ Juventus fl-Italja, Andrea Agnelli. Dan tal-aħħar irreżenja mill-ECA appena kien magħruf il-pjan biex jitwaqqa il-European Super League.

Apparti Riihilahti, f’Replay tal-lejla se jkun hemm interventi oħra u li se jkunu qed jagħmlu d-diskussjoni f’Replay interessanti u tal-għola kwalitá, bil-ħsieb li jkun spjegat fid-dettall dak li seħħ f’dawn l-aħħar jiem fil-futbol internazzjonali. Replay tal-lejla jibda fid-9pm fuq Net Television.