Internazzjonali

L-Iraq: Għexieren ta’ mejtin fost nirien fi sptar ta’ Bagdad

Talanqas 90 persuna tilfu ħajjithom fost nirien li ħakmu sptar wara li kien sploda tank tal-ossiġinu f’taqsima partikulari. It-traġedja seħħet f’Bagdad, il-belt kapitali tal-Iraq, u waqt li l-ħaddiema tal-isptar kienu qed jitrattaw numru kbir ta’ pazjenti morda bil-coronavirus.

Intant, indarbu ‘il fuq minn 100 persuna fin-nirien li nfirxu madwar l-isptar ta’ Khatib, bl-awtoritajiet qed jinvestigaw iċ-ċirkustanzi li wasslu għall-isplużjoni tat-tank.

L-iskwadri għal kontra n-nirien wieġbu minnufih għall-emerġenza u waqt li n-nies kienu qed jaħarbu f’paniku mill-kumpless tal-isptar. L-indikazzjonijiet huma li n-nirien żbruffaw fit-taqsima tal-isptar għall-kura intensiva li dak il-ħin kienet mimlija bil-pazjenti li qed ibatu bl-aktar każi severi tal-Covid-19.

Intant, il-pazjenti kollha, fl-aħħar sigħat, inħarġu mill-kumpless ta’ Khatib u spiċċaw ittrasferiti lejn sptarijiet oħrajn – bl-awtoritajiet, issa, jiddikjaraw is-sitwazzjoni bħala ‘taħt kontroll’. Madankollu il-Prim Ministru Iraqi Mustafa Al-Kadhimi qal li l-investigazzjoni għandha tiddetermina jekk ‘xi persuni għandhomx jitressqu biex issir il-ġustizzja magħhom għal (allegata) negliġenza’.