Futbol Sport

Laporte jaċċerta r-raba’ unur konsekuttiv għal Man City

(Ritratt: EPA)

Manchester City għelbu lil Tottenham Hotspur, 1-0, fil-finali tal-Carabao Cup li ntlagħbet ilbieraħ wara nofsinhar f’Wembley Stadium. Il-gowl li aċċerta r-raba’ rebħa konsekuttiva għas-Citizens fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni wasal tmien minuti mit-tmiem meta Aymeric Laporte għeleb lill-gowlkiper ta’ Spurs, Hugo Lloris, b’daqqa ta’ ras preċiża. Dan kien anki s-sitt suċċess ta’ City fil-Carabao Cup fl-aħħar tmien staġuni u meta s-Citizens – li jinsabu wkoll mal-aħħar erba’ tims fiċ-Champions League — mistennija jaċċertaw anki mir-rebħ tal-kampjonat Ingliż fil-ġimgħat li jmiss. Ir-riżultat kompla jżid id-diżappunt ta’ Tottenham Hotspur li ftit tal-jiem ilu keċċew lill-manager, Jose Mourinho u li b’hekk – għal staġun ieħor – tilfu kull tama għal xi unur notevoli.

Intant, Laporte jista’ iħossu xxurtjat li baqa’ fil-grawnd wara li fl-ewwel taqsima evita karta safra li kienet qed tidher evidenti u qabel hu, imbagħad, kellu ismu meħud mir-referi Paul Tierney għal intervent irregolari ieħor. B’hekk, id-difensur Spanjol kellu jsib ruħu fil-post eżatt biex jikkonkludi fix-xibka fuq il-freekick perfett ta’ Kevin de Bruyne u wara li Spurs – minkejja l-preżenza ta’ Harry Kane fuq quddiem — ftit offrew theddida tul il-logħba. Preżenti għall-konfront f’Wembley kien hemm madwar 8,000 partitarju li ffurmaw l-akbar attendenza għal logħba kompetittiva fl-Ingilterra mill-bidu tal-pandemija tal-Covid-19, fl-ewwel ftit xhur tal-2020.