Burnley ħadu pass importanti ‘il quddiem biex jiggarantixxu posthom fl-ogħla diviżjoni Ingliża għas-sitt staġun konsekuttiv, b’rebħa kbira , 4-0, fuq Wolverhampton Wanderers f’Molineux.
Wolves taw waħda mill-agħar wirjiet tal-istaġun u l-Clarets kienu bil-wisq aktar motivati għall-punti, bir-riżultat utli jfisser li t-tim ta’ Sean Dyche irnexxielu jtemm sekwenza negattiva ta’ tliet telfiet konsekuttivi. Fl-istess ħin, Burnley issa jinsabu b’vantaġġ ta’ disa’ punti fuq Fulham, li huma t-tielet mill-aħħar, u meta ż-żewġ klabbs fadlilhom ħames logħbiet biss għal tmim il-kampjonat.
L-attakkant ta’ Burnley Chris WOOD kien il-plejer tal-logħba indiskutibbli b’hat-trick personali – bil-gowls tiegħu jaslu kollha fl-ewwel taqsima; eżattament fil-15, il-21 u l-44 minuta.
Wolves qatt ma kienu fil-logħba u Matej Vydra kellu gowl ieħor imħassar għal Burnley ( fuq l-intervent tal-VAR) bil-Clarets jikkonkludu konfront bla storja minn Ashley WESTWOOD li sammar ġewwa minn tarf il-kaxxa, ħames minuti mit-tmiem.
Manchester United naqsu milli jiksbu t-tliet punti ma’ Leeds United f’Elland Road u fl-aħħarnett kellhom jikkuntentaw bi draw diżappuntanti. Ir-riżultat ifisser li Manchester City ikunu nkurunati bħala Champions ġodda tal-Premier League jekk huma, nhar is-Sibt, jegħlbu lil Crystal Palace u United (li jinsabu t-tieni) jitilfu f’darhom, l-għada, kontra Liverpool.
Il-konfront f’Yorkshire kien nieqes mill-ispettaklu, b’Marcus Rashford imur l-aktar qrib minn freekick qabel tmiem l-ewwel taqsima. Intant, il-parti kbira tal-logħob ikkonċentrat f’nofs il-grawnd u bid-difiżi rispettivi jiddominaw fuq l-attakkanti – anki jekk Man Utd kienu xi ftit aktar avventurużi fl-aħħar ħinijiet. Madankollu, it-tensjoni bejn il-partitarji ta’ Man Utd u l-familja Glazer, is-sidien Amerikani tal-klabb, baqgħet evidenti u qabel il-logħba, ajruplan għadda minn fuq Elland Road bi streamer kontra l-Glazers ‘u ż-żewġ biljuni Sterlina li l-Amerikani ħadu għalihom’ tul is-snin li huma ilhom jikkontrollaw lill-aktar klabb famuż fid-dinja.
F’Villa Park, Aston Villa u West Brom temmew fi draw ta’ 2-2. Aston Villa marru fil-vantaġġ fid-disa’ minuta meta Sem Ajayi deher iwaqqa’ lil Ross Barkley fil-kaxxa, bir-referee jordna penalty. ANWAR EL-GHAZI ma żbaljax għal 1-0. Madanakollu West Brom ukoll inagħtaw penalty fit-23 minuta għal foul ta’ Ezri Konsa fuq Ainsley Maitland Niles. MATTHEUS PEREIRA inkariga ruħu mill-ħdax-il metru u tefaż ġewwa għal 1-1. Fil-bidu tat-tieni taqsima West Brom marru fil-vantaġġ meta TYRONE MINGS tefa’ fil-last tiegħu stess. Hekk kif kollox deher li West Brom kienu se jiksbu t-tliet punti, Aston Villa kisbu l-gowl tad-draw, meta fit-92 minuta KEINAN DAVIS approfitta’ minn żball difensiv u xeħet ġewwa għal skor finali ta’ 2-2.
Il-Ġimgħa Arsenal v Everton 0-1 Ilbieraħ Liverpool v Newcastle 1-1, West Ham v Chelsea 0-1,
Sheffield Utd v Brighton 1-0 Illum Wolves v Burnley 0-4, Leeds v Man Utd 0-0, Aston Villa v West Brom 2-2
Għada Leicester v Crystal Palace 9.00pm