Irċevuti għal Pastizzi mir-Rabat u energy drink minn Paceville kienu imfissra bħala “rabtiet ġenwini” ma’ Malta biex biljunarji barranin jingħataw iċ-ċittadinanza Maltija permezz ta’ passaport mill-iskema tal-IIP li ħema minn wara dahar kulħadd il-Partit Laburista qabel l-2013.
Huma dawn l-aħħar manuvri li ġew żvelati mill-Malta Independent u l-MaltaToday, manuvri li jiżdiedu ma’ aktar aħbarijiet xokkanti li smajna fl-aħħar jiem dwar din l-iskema.
L-iktar “rabtiet ġenwini” komuni ppreżentati mill-applikanti huma biljetti tat-titjira u prenotazzjonijiet ta’ lukandi. Ħafna applikanti qagħdu għal ftit jiem f’lukandi lussużi madwar il-pajjiż minflokk għal żmien twil fi propjetà mixtrija jew mikrija kif stipulat mill-kriterji biex persuna tingħata ċ-ċittadinanza.
Wħud preżentaw irċevuta ta’ ġelat, oħrajn għamlu gym memberships jew xiri ta’ ħobż, toothpaste, fażola jew ħalib minn supermarket… dawk kollha nħassu li huma ġenwini biżżejjed biex il-Gvern jaċċetta l-applikazzjoni u jagħti l-passaport.
F’nofs dawn il-kontroversji hemm il-kumpanija Henley & Partners li kienet tieħu ħsieb dawn l-applikazzjonijiet. Fl-aħħar jiem, rapporti fil-gazzetti wrew kif din il-kumpanija kienet preparata mill-Partit Laburista b’din l-iskema qabel ma tħabbret b’mod uffiċjali mill-Gvern Laburista.
Issa, rapporti qed jgħidu li d-Deputat Laburista, Alex Muscat, illum Segretarju Parlamentari għaċ-ċittadinanza, ġie msemmi minn Henley & Partners bħala l-‘contact person’ tagħhom fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Emails li kienu leaked juru kif meta dawn il-miljunarji kienu sa jaslu Malta biex jixtru l-passaport, kienu jinħolqu protokolli biex il-barranin jiżgiċċaw lill-media u biex iż-żjara qasira tagħhom f’pajjiżna tkun waħda mingħajr xkiel. F’uħud minn dawn l-arranġamenti, jidher li kien involut is-Segretarju Parlamentari Laburista. Mistoqsi mill-media, Alex Muscat qal li ma kellu l-ebda rwol fil-programm IIP.
Dejta li ħarġet bħala riżultat tal-kollaborazzjoni tal-hekk imsejjħa ‘Passport Papers’ turi li Henley & Partners għamlu użu minn persuni meqjusa bħala introduturi li jingħataw persentaġġ tal-profitti li jsiru meta jgħinu biex jattiraw klijenti biex isiru Maltin. Filwaqt li l-applikazzjoni tal-preżentatur tal-Labour Karl Stagno Navarra biex ikun wieħed minn dawn l-introduturi ġiet miċħuda, Brian Tonna u Karl Cini kienu l-ewwel Introduturi awtorizzati taħt din l-iskema.
//= $special ?>