Lokali

Sidien tar-restoranti f’inċertezzi dwar kif se jippjanaw għall-ftuħ mill-ġdid

Qed jisimgħu ħafna diskorsi li l-Gvern se jirrilaxxa l-ftuħ lejn nofs Mejju, iżda sa issa m’għandhom l-ebda ħjiel biex jorganizzaw mill-ġdid lilhom infushom

Sidien ta’ ristoranti u stabbilimenti tal-ikel li issa ilhom għal bosta xhur magħluqa tkellmu ma’ il-mument u qalulna li huma litteralment ma jafux fejn jinsabu hekk kif qed jisimgħu ħafna diskorsi li l-Gvern se jirrilaxxa l-ftuħ tar-restoranti lejn nofs Mejju li ġej, iżda mbagħad ħadd mhu lest li jagħtihom il-kelma li dan se jiġri.

Sidien ta’ ristoranti u stabbilimenti tal-ikel f’nofs din il-ġimgħa tkellmu ma’ il-mument u qalulna li huma kienu fost l-aktar li batew bil-miżuri li ttieħdu f’din is-sena u nofs. “Aħna kellna nagħlqu fit-tul darbtejn. Darba bħal dan iż-żmien sena u t-tieni darba fi Frar li għadda. Din lilna swietna mhux biss telf ta’ eluf ta’ ewro f’negozju, iżda telf kbir f’termini ta’ disponiment ta’ affarijiet tal-ikel bħal-laħmijiet u prodotti oħrajn.”

Dawn is-sorsi qalulna li l-Gvern u l-Awtoritajiet tas-Saħħa ma kellhomx id-deċenza li jinfurmawhom qabel x’se jiġri biex dak li jkun jaħżen provvisti mill-inqas.

“Le, ħallewna nitgħabbew bl-ordnijiet u mbagħad, f’daqqa waħda, qalulna li rridu nagħlqu b’effett immedjat. Dan ma kienx ġust magħna. Dak kollu hu telf ta’ flus kbar.”

L-istess sorsi komplew li minbarra laħmijiet u prodotti tal-ikel oħra hemm ukoll il-kwistjoni tal-birer u l-luminati. “L-inbid mhux se jkun affettwat, iżda xorb ieħor iva u anki hawnhekk irreġistrajna telf konsiderevoli. Ikun hawn minna min jitgħabba b’ordnijiet qawwija u jaħżen biex issa jsib ruħu b’birra skaduta!”

Mistoqsija kemm tilfu flus matul din is-sena u nofs ta’ għeluq minħabba l-pandemija, is-sorsi ta’ il-mument qalulna: “Ma tikkalkulax. Filli jkollok magna għaddejja b’ċertu saħħa u filli tiqaflek f’daqqa. Minbarra l-kwistjoni tal-ħaddiema li spiċċaw bla xogħol. Iva kien hemm ħafna li żammew lill-ħaddiema li kellhom minħabba l-wage supplement li tana l-Gvern, iżda tajjeb ngħidu li dik il-wage supplement għall-ħaddiema kienet biss biex ittaffilhom mill-problemi għaliex id-dħul tagħhom hu ferm akbar. Barra minn hekk lilna ħadd ma ħaseb fina u tana xi wage supplement!”

Dawn is-sidien enfasizzaw li l-Awtoritajiet għandhom ikunu ftit sensittivi għall-bżonnijiet ta’ ħaddieħor, fis-sens li ħadd m’għandu jfaqqa’ subgħajh u jordna biex ir-ristoranti u l-istabbilimenti tal-ikel jiftħu mil-lum għall-għada. Biex tiftaħ ristorant għan-nies trid tipprepara. Trid tixtri l-provisti. Trid iddaħħal lill-istaff biex jerġa’ jibda jirranka. Trid tagħmel eżerċizzju ta’ tindif… ħafna xogħol li ma jidhirx iżda li hu fundamentali biex tmexxi restorant.

“Il-Gvern ma jagħmel sew xejn li jħallina f’għama totali. Ma nafux x’se jsir għada. Ma nistgħux nippjanaw. Iċemplulna l-aġenti tal-ikel u jistaqsuna għall-ordnijiet biex huma wkoll jaħsbu biex ikollhom provisti biżżejjed… u ma nkunux nistgħu nagħtuhom l-ebda risposta.”

Dawn is-sidien żiedu li dak li “l-Awtoritajiet imisshom jagħmlu hu li jagħtuhom indikjazzjoni li sakemm ix-xenarju f’pajjiżna ma jinbidilx, allura fit-tali data r-restoranti u l-istabbilimenti tal-ikel se jkunu jistgħu jiftħu mill-ġdid u hekk aħna nibdew nippreparaw minn issa b’ċertu ordni. Aħna lkoll ħerqana biex nerġgħu niftuħ n-negozji tagħna. Tlifna biżżejjed flus. Kemm iddum toħroġ minn ġewwa?”

Sadattant fil-jiem li għaddew dwar dan tkellmet ukoll l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) li fissret li  tinsab diżappuntata li ma tħabbritx ġurnata speċifika meta se jkunu jistgħu jerġgħu jiftħu r-restoranti.

L-Assoċjazzjoni, fi stqarrija, fissret li wara li l-Prim Ministru aktar kmieni dan ix-xahar ħabbar ir-rilaxx ta’ ċertu miżuri minħabba l-pandemija li daħlu fis-seħħ ix-xahar li għadda, issa hi qed tistenna li l-Gvern iħabbar ukoll id-data ta’ meta se jkunu jistgħu jerġgħu jiftħu r-restoranti.

L-MHRA appellat lill-Gvern biex jagħti d-data ta’ meta jkunu jistgħu jiftħu r-restoranti qabel is-26 ta’ April u qalet li hi laqgħet b’mod pożittiv id-data tal-1 ta’ Ġunju meta se jinfetaħ l-istaġun tat-turiżmu “hekk kif numru ta’ membri tal-MHRA sofrew telf kbir fl-aħħar tnax-il xahar. L-uniku mod kif wieħed jgħix f’sitwazzjoni diffiċli bħal din hu li s-settur tat-turiżmu jerġa’ jiftaħ malajr kemm jista’ jkun.”

L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Restoranti qalet li tapprezza l-isforzi li qed isiru mill-Gvern biex ilaqqam lin-nies fl-iqsar żmien possibbli u li tilqa’ l-aħbar li dalwaqt se joħorġu l-vawċers biex jappoġġjaw aktar l-irkupru ekonomiku ta’ dawk is-setturi ekonomiċi li ntlaqtu ħażin mill-pandemija.

Filwaqt li appellat lill-pubbliku ġenerali biex ikun responsabbli, qalet ukoll kif hemm bżonn ikun apprezzat kemm hu kritiku l-ftuħ mill-ġdid tas-settur turistiku għall-istaġun tas-sajf mhux biss għal min iħaddem u l-impjegati f’dan is-settur iżda għall-ekonomija Maltija kollha.