Il-President Amerikan Joe Biden sar l-ewwel Mexxej tal-Istati Uniti li ħareġ stqarrija fejn ifisser formalment il-massakru tal-Armeni tal-1915 bħala ġenoċidju.
Il-massakru kien seħħ fl-aħħar żmenijiet tal-Imperu Ottoman li minnu żviluppat it-Turkija tallum u l-każ partikulari hu sensittiv għall-aħħar. Dan meta l-awtoritajiet f’Ankara jaċċettaw li kienu saru l-atroċitajiet fl-era partikulari filwaqt li, fl-istess ħin, qed ikomplu jiċħdu għall-kelma ‘ġenoċidju’.
Sadanittant, il-kumment ta’ Biden xejn ma niżel tajjeb f’Ankara, bil-Ministru Tork għall-Affarijiet Barranin, Mevut Cavusoglu, isostni li pajjiżu ‘qed jirrifjuta kompletament l-istqarrija tal-Istati Uniti’. Cavusoglu kompla li ‘l-ebda barrani mhu se jgħallem lit-Torok dwar l-istorja ta’ pajjiżhom’ – bil-Ministeru tiegħu jibgħat għall-Ambaxxatur Amerikan f’Ankara biex iwassallu ‘ir-reazzjoni qawwija tat-Torok’
Il-Gvernijiet preċedenti tal-Istati Uniti ma użaw qatt il-kelma ‘ġenoċidju’ fl-istqarrijiet preċedenti dwar il-qtil storiku tal-Armeni. Dan minħabba l-inkwiet li jitkissru r-relazzjonijiet bilaterali mat-Turkija, li hi alleata qawwija tal-Amerikani fl-Alleanza tan-NATO.
//= $special ?>