Futbol Sport

Il-Gvern Ingliż mistenni japprova leġislazzjoni biex il-partitarji jkollhom sehem akbar fit-tmexxija tat-tim

Ilbieraħ, waqt il-programm Replay f’intervent awdjo viżiv tkellem il-Viċi-Chairman tal-Manchester United Supporters Trust Ian Stirling, b’reazzjoni għal dak li seħħ fl-aħħar jiem fil-futbol internazzjonali. Stirling qal li kif wara bosta laqgħat fost l-oħrajn mal-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson, fil-jiem li ġejjin se tinbidel il-liġi fl-Ingilterra biex il-partitarji jkollhom sehem akbar fit-tmexxija tal-clubs rispettivi.

Stirling qal li l-partitarji fl-aħħar jiem urew s-saħħa tagħhom fejn sfurzaw lis-sitt clubs Ingliżi joħorġu mill-European Super League, fejn wara dak li seħħ jidher li l-Gvern Ingliż se jkun qed iħaffef il-proċess biex tinbidel din il-liġi u b’hekk il-partitarji jsiru parti mit-tmexxija.

“Is-sitt clubs Ingliżi iddeċidew li joħorġu mill-European Super League wara r-reazzjoni negattiva b’saħħitha li huma kellhom fejn irrealizzaw li għamlu żball kbira” sostna Stirling. Hu kompla jgħid li s-sidien ta’ dawn il-clubs mhux biss tilfu l-appoġġ tal-partitarji tagħhom stess iżda anke r-rispett tal-clubs l-oħra fil-piramida tal-futbol.

Il-Viċi Chairman tal-Manchester United Supporters Trust li hija waħda mill-aktar trusts influwenti fuq it-tmexxija tal-club qal li se tkun diffiċli ferm sabiex javdaw lill-familja tal-Glazers li huma s-sidien tal-club. Stirling qal li dak li għamlu fl-aħħar jiem juri biċ-ċar li l-iskop ewlieni tal-Glazers fit-tmexxija tal-club huwa wieħed finanzjarju. Ian Stirling qal li huma jridu li jaraw governanza aħjar, sehem akbar tal-partitarji fit-tmexxija tal-club u rappreżentanza tal-partitarji fil-board tal-club, biex b’dan il-mod ikun assigurat li fil-futur ma jerġax iseħħ dak li seħħ fl-aħħar jiem.