Lokali

Il-membri tal-Kabinett skomdi dwar Hyzler wara l-attakki ta’ Abela u Bedingfield

Min jibqa' sieket u min jgħid li "jemmen fl-istituzzjoni"

Il-membri tal-Kabinett jinsabu maqsumin, iżda kollha skomdi għall-mistoqsijiet dwar il-Kummissarju tal-Istandards fil-Hajja Pubblika.

Wara l-attakk tal-aħħar jiem fuq Hyzler mill-Ministru Carmelo Abela u mill-Whip tal-Lejber Glenn Bedingfield – wieġed fuq ix-xandir Nazzjonali u l-ieħor fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, il-membri tal-Kabinett kienu kollha skomdi jikkummentaw dwar ix-xogħol li qed iwettaq il-Kummissarju għall-Istandards, b’uhud jghidu li jemmnu fl-istituzzjoni.. mingħajr ma kkommettew ruħhom dwar George Hyzler.

Numru ta’ membri tal-Gvern, dehru ferm aktar skomdi, tant li baqgħu totalment siekta ghall-mistoqsijiet ta’ Net News, filwaqt li oħrajn donnhom riedu jgħidu li l-fiduċja tagħhom f’George Hyżler tiddependi skont dak li jgħid jew jagħmel.

I-Ministru Owen Bonnici, sadanittant, spiċċa jagħti l-pariri tiegħu  lill-Kummissarju għall-Istandarsds meta appellalu biex “dak kollu li jwettaq iwettqu bl-akbar oġġettività”, iżda mistoqsi jekk hu jħossx li Hyzler mhux qed jagħmel hekk, Bonnici ma weġibx.

Il-Membri tal-Kabinett spiċċaw f’din is-sitwazzjoni skomda wara li George Hyzler safa vittma tal-attakki tal-Ministru Carmelo Abela . Dan wara li l-Kummissarju għall-Istandards sab li l-istess Abela kien kiser il-kodiċi tal-etika meta nefaq aktar minn €7,000 mill-kaxxa ta’ Malta biex għamel reklami għalih inniffsu.

Hyzler sa ftit tal-ġimgħat ilu kellu l-fiduċja sħiħa tal-Kabinett u tal-Prim Ministru li kemm-ildarba użah bħala l-kejl li fuqu mbagħad kellu jieħu deċiżjonijiet anke marbuta ma’ membri tal-Gvern tiegħu stess.

Issa, għax George Hyzler ħareġ rapport ta’ kundanna fuq membru tal-Kabinett, jidher li mhux kulħadd għadu jħossu komdu bih bħala Kummissarju.