Immigrant Eġizzjan li kien ġie arrestat ma’ seba’ immigranti oħra (ritratt) fi Frar li għadda nżamm arrestat wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia li jagħmel parti minn persuni li huma nvoluti fi traffikar ta’ umani. Mohamed Shakshuk ta’ 34 sena kien ġie arrestat fid-19 ta’ Frar li għadda wara li kien fost tmien immigranti li allegatament daħlu illegalment bi speedboat f’Wied iż-Żurrieq mill-Libja.
Dak inhar wara it-8.00pm. il-Pulizija kienu ġew infurmati li daħlu numru ta’ immigranti f’Wied iż-Żurrieq. Meta l-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit, dawk mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni u l-Pulizija tad-Distrett kienu marru fuq il-post sabu ħames Sirjani u tliet Eġizzjani rġiel, li kienu mexjin fit-triq ta bejn Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi.
Dawn it-tmien persuni kienu ittieħdu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar stħarriġ li baqa’ għaddej bil-Pulizija tiskopri li Shakshuk flimkien ma’ persuna oħra, li wkoll mistennija titressaq il-Qorti huma nvoluti fi traffikar ta’ persuni umani.
Wara li kienu nqabdu t-tmien immigranti kienu saru diversi tfittxijiet fuq l-art u bil-baħar għal dgħajsa tal-immigranti li rriżultat fin-negattiv fiż-żona ta’ Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi. It-tfittxijiet saru tard filgħaxija minn membri tal-Pulizija u tal-Forzi Armati. Dan wara li tmien irġiel instabu mexjin fi triq fix-Xlokk ta’ Malta.
L-ispeedboat li tindika li kienet użata mill-immigranti kienet instabet xi jiem wara fejn l-irġiel x’aktarx kienu ġew ittrasportati lejn iż-żona. L-irġiel ġew investigati mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija u li dan wassal għall-arrest tal-Eġizzjan. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Uffiċjal tal-Immigrazzjoni, l-Ispettur Karl Robert filwaqt li għal Shakshuk deher l-Avukat Martin Fenech.
//= $special ?>