Lokali

“L-IQ tal-artist mhux business oriented” – Josè Herrera

Herrera jgħid li xogħol l-artist huwa "vokazzjoni aktar milli impjieg jew business"

Il-Ministru għall-Kultura Josè Herrera ma jemminx li l-arti f’pajjiżna tista’ titqies bħala impjieg jew business…. iżda hija biss vokazzjoni. Kważi fotokopja tad-diskors li kien qal Robert Abela dwar l-isport, meta kien sejjaħlu ‘hobby’.

Id-dikjarazzjoni ta’ Josè Herrera saret meta kien qed iwiegeb domandi ta’ Net News dwar x’soluzzjoni se joffri l-Gvern lill-artisti li qed iħabbtu wiċċhom mad-daqqa tal-pandemija…. bil-Ministru jinsisti li l-artist mhux negozjant.

Wara konferenza tal-aħbarijiet fejn ġie mġedded l-Memorandum of Understanding  bejn il-Malta Enterprise u l-Kunsill Malti għall-Arti, Herrera kien mistoqsi minn Net News b’insistenza sabiex joffri soluzzjoni lill-artist Malti li preżentament qed iħabbat wiċċu ma kriżi bla preċedent.

Dan hekk kif bosta atturi, żeffiena u artisti varji qed iħossuhom imwarrba – izda il-Ministru saħaq li din is-sitwazzjoni ma hija tort ta’ ħadd u farfarha fuq il-Professur Charmaine Gauci.

Filwaqt li Herrera spjega li dan il-qasam huwa fil-maġġorparti tiegħu vokazzjonali, hemm mat-12,000 ħaddiem u eluf oħrajn li jaħdmu fih fuq bażi part-time – settur li f’pajjiżna jissarraf f’aktar minn 8% tal-ekonomija lokali.

Madanakollu… skont il-Ministru… l-IQ tal-artist mhux xi wiehed kummercjali.

U hekk kif ir-rota ekonomika tal-pajjiż bdiet titħarrek daqsxejn, wara ż-żieda sostanzjali ta’ każi ġodda tal-pandemija fl-ewwel xhur tas-sena, Josè Herrera insista li l-kultura hija l-ixprun ekonomiku…

Madanakollu s’issa m’hemm l-ebda sinjal li dan is-settur se jkun qed jingħata n-nifs tal-ħajja mill-ġdid fil-ġimgħat li ġejjin, b’diversi persuni fil-qasam tal-ispettaklu u l-arti jisħqu li għal bosta diġà ma fadalx aktar tama.

U meta kien mistoqsi biex jagħti soluzzjoni tanġibbli jew idea ta’ proġett wieħed sabiex iqajjem dan is-settur, il-Ministru Herrera wasal sa kliem bombastiku ….mingħajr proposta ċara u tonda.