Suġġett bħall-użu tas-sustanza fost iż-żgħażagħ għandu jkun diskuss skont ir-riċerka u l-evidenza. Hu abbażi ta’ dan il-ħsieb li l-Fondazzjoni Save A Life kkummissjonat stħarriġ, anke fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tal-pandemija.
Hekk spjega d-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech – li ftit jiem wara li kien elett fil-Parlament, ħoloq il-Fondazzjoni ffinanzjata mill-Onorarja tal-Parlament – matul konferenza tal-aħbarijiet.
Claudio Grech qal li l-istudju juri l-istampa fattwali, skont metodoloġija xierqa u b’mod indipendenti. Dan anke għax iħoss li d-dieqa f’għajnejn il-ġenituri li għandhom lil uliedhom maħkuma taħt l-użu ta’ sustanzi hi kbira wisq.
Id-Deputat Nazzjonalista faħħar l-impenn tal-Fakultà tat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta, li ħadmet fuq dan ir-rapport, xhieda tal-impenn biex il-ħidma politika ssir skont l-evidenza u mhux biss kif wieħed jiġih f’moħħu.
Min-naħa tiegħu, id-Dekan tal-Fakultà Andrew Azzopardi qal li, wara rapport bħal dan, id-diskussjonijiet fil-Parlament m’għandhomx jibqgħu trivjali. Dan għax pajjiżna qed ifalli maż-żgħażagħ meta naraw li organizzazzjonijiet bħall-Caritas, l-Oasi u oħrajn qed jiżdiedilhom ix-xogħol.
Andrew Azzopardi qal li meta l-politiċi jilleġiżlaw iridu jaħsbu biss fin-nies. Dan filwaqt li appella biex kulħadd jaħdem flimkien ħalli l-istudju jħalli l-frott u jittieħdu l-aħjar deċiżjonijiet.
Anke l-Professur Marilyn Clark, mid-Dipartiment tal-Psikoloġija, qalet li l-politiċi ta’ pajjiżna għandhom jaraw li d-deċiżjonijiet jittieħdu fuq l-evidenza.
Min-naħa tagħhom, l-Ispeaker u d-Deputat Speaker faħħru l-inizjattiva ta’ Claudio Grech, li qed juża’ l-Fondazzjoni Save A Life biex jgħin lil dawk li l-aktar għandhom bżonn.
Anġlu Farrugia appella lid-Deputat Nazzjonalista biex ipoġġi dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra biex ikun ta’ referenza għall-ħidma tad-Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra.
Anke Claudette Buttigieg qalet li tistenna bil-ħerqa li taqra r-rapport ħalli tara li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’responsabbiltà.
//= $special ?>