Lokali Qorti

Mhux ħati li hedded u beżża’ Surġent tal-Pulizija

Raġel ta’ 50 sena minn Ħal Għaxaq ma nstabx ħati mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li aktar minn ħames snin ilu huwa hedded Surġent tal-Pulizija, li beżżgħu b’tali b’mod li kienet se tintuża biża jew vjolenza kontrih u dan billi fost affarijiet oħra qallu li kien lest imur 20 sena ħabs minn fuqu.

Keith Joseph Mallia ma nstabx ħati li huwa wettaq dan ir-reat fl-1 ta’ Diċembru tal-2015 u dan fl-Għassa tal-Pulizija taż-Żejtun u dan ukoll billi ta fastidju lill-uffiċjal tal-Pulizija. Huwa lanqas ma nstab ħati li sar reċidiv u li kiser diversi kundizzjonijiet imposti mill-Qorti.

L-Ispettur Sharon Casha li mexxiet il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li hija bagħet Pulizija pajżana biex jissorveljaw l-inħawi ta’ fejn kien joqgħod Mallia minħabba li kellhom suspett fuq allegat reat. Il-Pulizija raw vann isuq mill-post u bdew isegwuh. Ġara li l-akkużat mar jagħmel rapport mal-Pulizija fl-Għasa taż-Żejtun li kien qed jiġi segwit.

Skont il-Prosekuzzjoni jirriżulta li l-akkużat mar viċin id-dar tas-Surġent, bl-uffiċjal jgħid ukoll li darba ra lil Mallia jieqaf bil-karozza quddiem id-dar tiegħu u beda jħares lejh u ftit wara telaq. Meta kien l-Għassa, Mallia qal li kien lest li jeħel 20 sena ħabs minħabba l-aġir tas-Surġent tal-Pulizija.

Il-Qorti wara li semgħet il-provi qalet li ma hemmx dubju li d-diskors li kien lest li jmur il-ħabs minn fuq is-Surġent ingħad, iżda mhux fil-preżenza tiegħu. Dwar meta Mallia mar fejn id-dar tas-Surġent qalet li jekk kien hemm xi tip ta’ fastidju, dan ma kienx wieħed ripetut. Għal Mallia deheru l-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb.