“Ma naħsibx li kien attakk.”
Hekk sostniet il-Ministru Miriam Dalli li sa ftit tas-snin ilu kienet għadha tagħmel parti mill-midja Laburista, l-istess midja li b‘attakki sistematiċi lura fl-2009, wasslet biex Victor Scerri kellu jirreżenja mill-pożizzjoni ta’ President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalisti. Dan b’rabta ma’ storja rigward permess li kien mogħti lill-mara tiegħu għall-bini mill-ġdid ta’ farmhouse abbandunata fil-Baħrija.
U issa li saret ġustizzja wara 12-il sena – infaqgħet bużżieqa oħra ta’ attakki sistematiċi u mingħajr bażi li l-midja laburista wettqet biex ittappan u tkisser ir-reputazzjoni ta’ ħaddieħor. Dan meta sar maghruf li wara dawn is-snin kollha….l-Awtorita’ tal-Ippjanar issa ħarġet il-permezz ghall-izvilupp; fatt illi jikkonferma li dan ma kienx se jkun żvilupp illegali kif kien jigi allegat fl-2009 mill-media laburista.
F’kummenti lil Net News, Ministru Dalli stqarret li jekk b’xi mod weġġgħat lil xi hadd… hi tiskuża ruħha.
L-attakk ta’ 12-il sena ilu fuq Victor Scerri kien wieħed fotokopja ghal dak li ġarbu l-eks Ministru Giovanna Debono u żewġha – u anke fil-konfront tax-xufier tal-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil…fost oħrajn.
Madanakollu, Miriam Dalli insistiet li ninsabu f’demokrazija u għaldaqstant ħadd m’għandu jippretendi li ħadd ma jitkellem.
Intant…mistoqsija jekk bl-istess kejl ta’ kif kien isir l-attakk fuq Victor Scerri, għandux jirreżenja l-Ministru Carmelo Abela wara ċ-ċamata li dabbar mill-Kummissarju għall-Istandards, Miriam Dalli insistiet li l-pożizzjoni tal-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru hija waħda ċara.
Fi kliem semplici, wara li instab hati, Carmelo Abela xorta se jibqa’ jzomm postu fil-Kabinett Laburista.