Internazzjonali

Somalja: Ġellieda tal-Oppożizzjoni jikkontrollaw iz-zoni f’Mogadishu

Gruppi ta’ ġellieda mal-Oppożizzjoni Somala fl-aħħar sigħat kienu qed jikkonsolidaw il-kontroll f’zoni tal-kapitali Mogadishu u wara sigħat ta’ konfronti armati mat-truppi tal-Gvern. L-aħħar inkwiet hu dovut għall-isforzi tal-President tas-Somalja, Mohamed Abdullahi Mohamed, biex jestendi l-mandat ta’ poter attwali.

Intant, il-gruppi ta’ irġiel fil-vetturi armati bil-machine guns qed jgħassu l-inħawi sensittivi ta’ Mogadishu – bit-toroq u arterji oħra fil-kapitali jispiċċaw ‘inaċċessibbli’ għar-residenti. Ir-rapporti qalu li ‘il-qawwiet tas-sigurtà Somali u l-ġellieda favur l-Oppożizzjoni t-tnejn kienu qed isaħħu l-preżenza f’numru ta’ toroq, fost livell akut ta’ tensjoni.

Is-Somalja – li diġà tinsab f’sitwazzjoni fraġli wara snin ta’ gwerra ċivili u rewwixta ta’ militanti Iżlamiċi – qed tiffaċċja l-akbar kriżi politika għal snin wara li ma sarux elezzjonijiet li kienu pjanati fi Frar. Min-naħa tiegħu, il-President Mohamed qed jiffaċċja kritika ħarxa mingħand l-alleati barranin wara li hu iffirma liġi ( approvata mill-Parlament) li testendilu l-mandat b’sentejn.