Internazzjonali

Barnier jirreferi għal Brexit bħala ‘falliment’ qabel vot finali

Michel Barnier

Id-Deputati fil-Parlament Ewropew għada jivvutaw dwar il-ftehim kummerċjali tal-Unjoni Ewropea mar-Renju Unit li mistenni jingħata appoġġ sostanzjali mill-assemblea. Il-vot, fih innifsu, jikkonkludi l-proċess ta’ Brexit li kien ilu għaddej is-snin, waqt li jiftaħ era ġdida ta’ kollaborazzjoni mill-qrib bejn Brussell u Londra.

Intant, Michel Barnier, li sa ftit ilu kien in-negozjatur ewlieni tal-UE dwar Brexit, fisser is-separazzjoni tar-Renju Unit mill-grupp ta’ pajjiżi bħala ‘falliment tal-Unjoni Ewropea’. Hu, fl-istess ħin, ħeġġeġ biex l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni fi Brussell u l-Gvernijiet nazzjonali madwar il-kontinent jieħdu l-lezzjonijiet mit-tluq tar-Renju Unit.

‘Dan id-divorzju (tar-Renju Unit) għandu jservi bħala twissija’, sostna Barnier li saħaq ukoll li wieħed irid janalizza sew il-fatt li 52 fil-mija tal-poplu Britanniku ‘ivvota kontra l-Ewropa’. Hu spjega li l-vot kien qed jibbaża fuq diversi raġunijiet, fosthom ir-rabja qalb is-soċjetà u t-tensjoni li eżistiet mhux biss fir-reġuni tar-Renju Unit iżda anki f’ħafna reġjuni tal-Unjoni.

Matul id-diskors fil-Parlament Ewropew, Barnier irrefletta fuq aktar minn erba’ snin ħidma li wasslu għall-ftehim storiku dwar Brexit, f’Diċembru. U waqt li rrefera għar-Renju Unit bħala ‘pajjiż u sieħeb importanti ħafna’, Michel Barnier talab biex ‘jinżamm l-ispirtu ta’ kooperazzjoni bejn Londra u l-Unjoni Ewropea’.