Internazzjonali

Covid-19: Ċipru jħejji għall-btajjel tas-sajf….Mill-10 ta’ Mejju se jibda jilqa’ l-barranin li ħadu t-tilqima u li jkunu ġejjin minn 65 pajjiż

L-awtoritajiet tat-turiżmu f’Ċipru huma konvinti li se jkollhom sajf tajjeb minn lat ta’ bookings u  meta l-pajjiż qed iħejji biex jilqa’ t-turisti minn 65 pajjiż –bil-kundizzjoni li dawn ikunu ħadu t-tilqima kontra l-Covid-19.

Mill-10 ta’ Mejju, il-barranin ikunu jistgħu jsiefru lejn Ċipru mingħajr il-ħtieġa li jagħmlu żmien fi kwaratina u (anki) mingħajr ħtieġa li jipproduċu riżultat negattiv minn test tal-Covid.

Dan qalu li l-Ministru tat-Turiżmu Ċiprijott, Savvas Perdios, meta Ċipru qed jirkupra mill-impatt tal-coronavirus  ta’ matul ix-xitwa, bl-awtoritajiet qegħdin iħarsu ‘il quddiem b’livell qawwi ta’ ottimiżmu.

Il-pronostiku, fil-fatt, qaleb ferm għall-aħjar minkejja li Ċipru, jiem ilu, kellu jidħol f’lockdown ta’ ġimgħatejn, wara qabża (spike) fil-każi tal-Covid-19.

Fil-fatt, l-awtoritajiet f’din il-gżira-Stat – membru tal-Unjoni Ewropea – għamluha ċara li se jibdew jaċċettaw it-turisti li huma ‘fully vaccinated’ u irrispettivament fejn huma jkunu ngħataw l-aħħar tilqima (skont id-doża). Dan ukoll meta l-industrija tat-turiżmu lokali mistennija tieħu spinta qawwija anki fil-ġimgħat ta’ qabel is-sajf. Qabel din l-aħbar,Ċipru kien diġà qabel li jdaħħal it-turisti mir-Renju Unit u Iżrael grazzi għall-progress tal-kampanji tat-tilqim kontra l-coronavirus fil-pajjiżi rispettivi.

Ir-Renju Unit jibqa’ is-sors ‘numru wieħed’ tat-turiżmu lejn Ċipru – bi kważi 4 miljun turist Britanniku jsiefru għal hemm għall-btajjel, fl-2019.

Sadanaittant, il-65 pajjiż li ċ-ċittadini tagħhom se jkunu jistgħu jsiefru lejn Ċipru mill-10 ta’ Mejju jinkludu l-Kanada, l-Istati Uniti, l-Eġittu, l-Emirati Għarab, l-Iżvizzera, New Zealand u l-Awstralja.

Il-permess għas-safar lejn Ċipru se jkun miftuħ ukoll għar-residenti tal-Istati-membri kollha tal-Unjoni Ewropea.

Skont ir-roadmap tal-Gvern Britanniku għat-tnaqqis tar-restrizzjonijiet, iċ-ċittadini fir-Renju Unit jistgħu jibdew jieħdu l-btajjel barra pajjiżhom mis-17 ta’ Mejju. L-ivvjaġġar se jkun jista’ jissokta taħt sistema ta’ ‘traffic light’ bir-regoli jisseparaw il-pajjiżi fi tliet kategoriji skont l-elementi ta’ sogru mill-Covid-19.

Il-Portugall u Spanja wkoll qed iħejju biex jilqgħu lura t-turisti Britanniċi li jużaw iċ-ċertifikati li juru immunità mill-virus. Dan meta l-Ministru tat-Turiżmu Spanjol, Fernando Valdes, qal li ‘l-iskema tat-tilqim fir-Renju Unit għaddej tajjeb ħafna u bl-iżviluppi qed jawguraw tajjeb għas-sajf, minn lat ta’ turiżmu’.

Fl-istess ħin, il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, ukoll issuġġerixxa li hu ‘dispost għall-idea’ ta’ vaccine passport li jippermetti għall-ivvjaġġar mix-xahar id-dieħel.