Internazzjonali

Covid-19: Id-Danimarka qed taħseb fil-produzzjoni tal-vaċċin mill-2022

 

Il-Prim Ministru tad-Danimarka, Mette Frederiksen, trid li pajjiżha jibda jipproduċi l-vaċċini ‘tiegħu’ għal kontra l-Covid-19 mill-2022. Intant – u meta hi kienet qed tkellem lill-membri tal-istampa — Frederiksen qalet li l-Istat għandu jaħdem flimkien mas-settur privat biex jilqa’ dan it-tragward.

Mistenni li l-Gvern f’Kopenhagen joħroġ sejħa biex is-settur privat jipproponi l-mezzi li jippermettu għall-produzzjoni tal-vaċċin fid-Danimarka – u dan qabel il-Gvern jibda jirċievi l-offerti għall-kuntratt.

‘Il-fehma tal-Gvern hi li fid-Danimarka teżisti bażi għall-bidu ta’ produzzjoni tal-vaċċin skont it-termini kummerċjali — bil-pjan jibbaża wkoll fuq id-djalogu li sar s’issa bejn l-amministrazzjoni u s-settur tax-xjenza’, saħqet Mette Frederiksen. Intant, il-Prim Ministru tad-Danimarka fissret l-issue tal-vaċċini għal kontra l-Covid-19 bħala kwistjoni relatata ‘mas-sigurtà nazzjonali’.

Fl-istess ħin, Frederiksen  ma speċifikatx ‘liema kumpanija’ tista’ tkun involuta fil-proġett għall-produzzjoni tal-vaċċin fid-Danimarka. Iżda waqt il-kummenti tagħha, hi qalet li t-teknoloġija użata għandha tkun tat-tip mRNA li jintuża fil-vaċċini tal-Pfizer u Moderna.

Id-Danimarka, dan ix-xahar, warrbet il-vaċċin tal-AstraZeneca (li juża teknoloġija differenti) mill-programm tat-tilqim nazzjonali, minħabba tħassib dwar is-side effects rari iżda serji tad-dożi.