Ekonomija Kummerċ Lokali Turiżmu

“Min iħaddem u l-ħaddiema huma parti sħiħa mis-soluzzjoni għall-irkupru ekonomiku” – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista huwa Gvern alternattiv li jrid ikun ippreparat eżatt dwar x’hemm bżonn isir biex titjieb il-ħajja tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem.

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’laqgħa mal-Assoċazzjoni ta’ Min Iħaddem, l-MEA.

Bernard Grech tkellem dwar l-importanza li jkun hemm bilanċ u flessibbiltà bejn iż-żewġ naħat, għax huwa b’hekk biss li pajjiżna jista’ jimxi ‘l quddiem.

Bernard Grech qal li huwa importanti li min iħaddem u l-ħaddiem jifhmu lil xulxin, speċjalment fid-sitwazzjoni delikata li jinsab għaddej minnha pajjiżna kawża tal-pandemija tal-COVID-19.  

Il-Kap tal-PN qal li huwa dmir tal-Oppożizzjoni li tiltaqa’ mal-imsieħba soċjali u jkunu diskussi proposti kif tista’ titjieb il-ħajja tal-ħaddiema u tal-employers għax finalment l-ekonomija ta’ pajjiżna tibbaża fuqhom.

Bernard Grech qal li l-MEA dejjem kienet minn ta’ quddiem bil-proposti tagħha. Għalhekk huwa importanti li nkomplu nsibu niċeċ ġodda iżda xorta waħda napprezzaw ir-riżorsi ta’ pajjiżna…. bir-riżorsa prinċipali tkun il-persuna. Dan kollu għandu jwassal biex pajjiżna jkollu ekonomija iktar reżiljenti.

Huwa qal li pajjiżna għandu bżonn miri ambizzjużi iżda wkoll miri realistiċi, fejn fl-aħħar snin pajjiżna kien nieqes minn pjanar fit-tul. Fid-dawl ta’ dan fl-aħħar ġimgħat il-Partit Nazzjonalista vara pjan għas-settur tal-enerġija kif ukoll għas-settur turistiku… pjan li jħares kemm fl-immedjat kif ukoll fil-futur.

Min-naħa tagħha l-President tal-MEA Joanne Bondin tkellmet fuq il-ħidma tal-Assoċazzjoni li fost oħrajn tkopri r-relazzjoni u d-djalogu soċjali bejn min iħaddem u l-ħaddiema filwaqt li bħala MEA tagħti wkoll importanza lill-liġijiet il-ġodda li joħorġu u jaraw kif permezz tagħhom, ikunu jistgħu jgħinu lil min iħaddem.   

Il-membri tal-MEA tkellmu dwar kemm huwa importanti li jkunu ristrutturati ċerti setturi fosthom is-settur tal-manifattura u tat-turiżmu. Huma appellaw sabiex ikun hemm direzzjoni aktar stabbli għall-ekonomija ta’ pajjiżna b’importanza lill-green economy permezz ta’ aktar pjanar sabiex jitnaqqsu l-problemi ambjentali u pajjiżna jkun iktar attraenti għat-turisti.   

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Kandidati għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss Alex Perici Calascione, Roslyn Borg Knight u Darren Carabott.