Lokali Parlament

Il-gvern warrab lin-negozji żgħar

Edwin Vassallo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal fil-parlament li n-negozi ż-żgħar llum iħossuhom abbandunati minn gvern Laburista li warrabhom.

Edwin Vassallo qal li l-għajnuna tal-gvern tul il-COVID swiet iżda ma kienitx biżżejjed biex in-negozji jħallsu l-ispejjeż li kellhom. Hu sostna li bl-Abbozz li jemenda l-Att dwar l-Intrapriżi Żgħar għandu jinbidel l-atteġġjament fit-teħid ta’ kull deċiżjoni li timpatta fuq in-negozji ż-żgħar.

Jeħtieġ li ma jkunx hemm burokrazija man-negozji ż-żgħar, sostna Edwin Vassallo, li kompla li qabel jittieħdu d-deċiżjonijiet għandu jkun hemm il-konsultazzjoni. Hu kkritika lill-gvern għall-mod kif se jdaħħal ir-regoli l-ġodda dwar l-għaqdiet volontarji bla ma għamel konsultazzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-pitkalija u qal li anki hawn ma kienx hemm konsultazzjoni; l-istess kif seħħ f’Marsaxlokk fejn il-kunsill lokali ħareġ direttiva biex jitneħħew id-dgħajjes kollha minn fuq il-moll.

Edwin Vassallo kompla li l-gvern qed jispċċa rrilevanti u sostna li ħadd ma jmpurtah min-negozji ż-żgħar fosthom dawk f’Tal-Ħandaq. Hu staqsa għaliex l-MFSA ħarġet minn waħda mill-awtoritajiet meta llum bil-liġijiet tal-ħasil taħ flus tant qed ikun hemm pressjoni. Issa l-pajjiż se jkun qed jiffaċċja problemi ta’ inflazzjoni u diffikultajiet oħra.

Edwin Vassallo qal li hemm ukoll diffikultajiet kbar għan-negozji f’Għawdex.