Lokali Saħħa

Il-Ministru qed “jispara biex jidher” – Prof. Andrew Azzopardi

“Parapatta politika li twassal għall-ħmerijiet. Nispara biex nidher”.

Hekk iddikjara il-Professur Andrew Azzopardi f’post fuq il-media soċjali b’reazzjoni għal dak li qal id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne wara li kien affaċjat bi kritika qawwija għall-fatt li l-IVF mhux qed jingħata kompletament b’xejn – dan meta diversi koppji esprimew ir-rabja tagħhom, għaliex il-proċess tal-IVF mhux vera li huwa kollu sussidjat.

Wara li l-Kap tal-PN Bernard Grech tefa’ dawl fuq dawn ir-realtajiet…il-Ministru tas-Saħħa ħareġ jitkellem dwar il-PGD testing – li hija analizi ġenetika qabel issir l-IVF, u li m’għandha x’taqsam xejn mal-proċess preżenti. Bid-Dekan fl-Università ta’ Malta jgħid li din hi biss parapatta tal-politika.

Andrew Azzopardi fil-fatt stqasa… “min ha jistabbilixxih dan il-proċess? Fejn ha nqtgħu l-linja? L-etika u l-moralità fejn jidħlu f’dan kollu? U x’se jiġri meta wieħed jinduna li l-embrijun iwassal għal persuna b’ down syndrome… se jkun eliminat?”

Il-Professur Azzopardi qal li din hija mossa oħra ta’ politiku li jfajjar min żniedu.

Fl-aħħar jiem, kompla jikber it-tħassib ta’ diversi persuni dwar il-mod kif il-Gvern u l-media Laburista qed jiprovaw iqarraqu bil-poplu Malti meta jibqgħu jinsistu li s-servizz tal-IVF huwa wieħed mingħajr ħlas.

Dan meta l-mediċini għal dan it-trattament jitħallsu mill-koppja u mhux mill-Gvern. Barra minhekk, it-trattament jista’ jiġi jiswa eluf ta’ ewro.

Il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar jiem insista li l-IVF għandu jkun kompletament b’xejn għal kulħadd bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jisħaq li għandu jitneħħa l-piż finanzjarju minn fuq il-koppji. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jinsab kommess li meta jkun fil-Gvern, il-mediċini tal-IVF ikunu b’xejn.