Lokali

In-negozji Maltin għandhom bżonn pjan ta’ rkupru fit-tul – PN

Il-Partit Nazzjonalista jirreferi għall-pakkett ta’ għajnuna għan-negozji mħabbar mill-Gvern aktar kmieni dalgħodu. Filwaqt li l-Oppożizzjoni hija dejjem favur aktar għajnuna favur ir-riġenerazzjoni tal-ekonomija, u din l-assistenza hija pass importanti f’dan is-sens, pajjiżna u n-negozji tagħna ma jistgħux jibqgħu jiddependu fuq miżuri short-term iżda jeħtieġu inċentivi li jgħinu biex ikun stimulat il-konsum, jitħeġġeġ l-investiment u jkun inċentivat it-tkabbir. Dan filwaqt li jkun żgurat li dawk in-negozji li sofrew l-akbar daqqa tul l-aħħar erbatax-il xahar, u li anke f’dawn il-ġimgħat għad għandhom l-attivita’ tagħhom ristretta, jingħataw l-għajnuna meħtieġa biex dawn in-negozji ma nitilfuhomx.


Mario de Marco, kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi qal li dan qed iħalli impatt fuq il-kwalita’ tal-ħajja tal-familji tagħna billi fost l-oħrajn kif rajna, fl-aħħar ġimgħat, kważi 20% tar-ristoranti f’pajjiżna għalqu fl-aħħar sena u li wassal biex aktar familji Maltin jgħidu li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali. Meta mqabbel mal-2019, il-konsum mir-residenti f’pajjiżna naqas b’€400 miljun filwaqt li dak minn turisti jew persuni oħra li jżuru l-pajjiżna naqas b’€1.4 biljun. F’dan il-kuntest, l-għajnuna mħabbra llum hi biss farka tad-daqqa li sofrew in-negozji ta’ pajjiżna.


Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex iħares lil hinn mill-ftit xhur li ġejjin u l-prospetti elettorali tiegħu u jasal għal sensiela ta’ miżuri aktar robusti u li verament jagħmlu differenza fuq min irid jinvesti, jkabbar u jħaddem aktar persuni miegħu. Il-Partit Nazzjonalista jappella biex il-Gvern jimxi b’għaqal u bi prudenza fil-proċess tar-rilaxx ta’
restrizzjonijiet u dan biex pajjiżna ma jerġax iħallas il-prezz għali li ħallasna għad-deċiżjonijiet żbaljati li ħa Robert Abela s-dajf li għadda, u li riżultat tagħhom illimitaw l-għajnuna li llum l-Gvern se jagħti lin-negozji ta’ pajjiżna.