“L-arti hija parti integrali mill-edukazzjoni ta’ uliedna. U hekk għandha tibqa’.”
Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta fil-jiem li għaddew għamel żjara fl-Ispazju artistiku ta’ Masquerade Malta – teatru iddedikat għall-arti mmexxi mill-privat, fejn intlaqa’ mid-Direttur ta’ din il-kumpanija Anthony Bezzina.
Bernard Grech qal li hu biss grazzi għall-viżjoni li kellhom dawn l-operaturi li mijiet ta’ tfal u żgħażagħ jistgħu jesprimu l-ideat tagħhom b’mod artistiku… b’uħud minnhom anke komplew fuq din il-professjoni.
Il-Kap tal-PN qal li hu minn dejjem saħaq li l-arti kollha inkluż it-teatru għandhom ikunu parti mill-kurrikulu skolastiku.
Id-Direttur ta’ Masquerade qal li llum il-ġurnata t-teatru m’għandux ikun biss meqjus bħala attività extra kurrikulari… iżda iktar minn hekk. Anthony Bezzina tkellem dwar it-tħassib ta’ dawk li għandhom għal qalbhom is-settur tal-arti hekk kif ħafna drabi t-teatru jigi injorat.
Bezzina qal li għandu jkun hemm iktar investiment min-naħa tal-Gvern f’dan is-settur tal-arti, għaliex l-operaturi privati qed isofru bi kbir.