F’konferenza tal-aħbarijiet li saret f’Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li “il-prospetti huma sbieħ” fejn jidħol il-Covid-19 filwaqt illi nsista li “se jkollna Sajf b’saħħtu”.
Din l-istqarrija tfakkar fid-diversi wegħdiet li għamel Abela fl-aħħar sena, meta l-ewwel qalilna li minn Marzu nirritornaw għan-normalità, imbgħad kien wiegħed li minn Mejju business as usual – xi ħaġa li żgur mhux se tintlaħaq minħabba li fl-ewwel xahrejn tas-sena s-sitwazzjoni tal-pandemija ħarbet minn idejn il-Gvern, kaġun tal-fatt li kaxkar saqajh biex idaħħal miżuri li tant kienu meħtieġa.
Fil-preżenza tal-Ministru Miriam Dalli, Robert Abela tkellem dwar il-fatt li ħafna negozji wara l-10 ta’ Mejju xorta se jibqgħu magħluqin. Dalli minn naħa tagħha preżentat għajnuniet illi diġa’ ilhom xhur jissemmew mill-Gvern, u l-ebda waħda minnhom mhi idea ġdida.
Dwar ir-ristoranti, Robert Abela qal li “importanti ma niġrux iżejjed”. Filwaqt illi stqarr li hu jifhem lis-sidien tar-ristoranti.