Futbol Sport

Thierry Henry u Alan Shearer l-ewwel players inklużi fil-Premier League Hall of Fame

L-eks player ta’ Arsenal Theirry Henry u l-eks player ta’ Newcastle u Blackburn Alan Shearer kienu l-ewwel żewġ players inklużi fil-Premier League Hall of Fame, li huwa l-ogħla unur individwali li player fil-Premier League jista’ jirbaħ.

Ma’ Arsenal, Thierry Henry lagħab 258 darba mal-Gunners fejn skorja 175 gowl u rebaħ darbtejn il-kampjonat fejn fost l-oħrajn kien parti mit-tim li rebaħ il-kampjonat mingħajr telfa fl-istaġun 2003/04. Minn naħa l-oħra, Shearer beda l-karriera tiegħu ma’ Blackburn fejn rebaħ il-kampjonat fl-istaġun 1994/95 qabel ma ssieħeb ma’ Newcastle fl-1996. B’kollox Alan Shearer lagħab 440 partita fil-Premier League fejn skorja 260 gowl.

Il-Premier League ħabbar lista ta’ 23 player fejn minnhom se jkunu qed jintgħażlu sitt players li se jkunu nklużi wkoll fil-Hall of Fame. Dawk inklużi f’din il-lista jridu jkunu ilhom li rtiraw mill-1 ta’ Awwissu tas-sena li għaddiet.

Fil-lista ta’ 23 player li għalihom huwa mistieden jivvota l-pubbliku nsibu lil: Peter Schmeichel, Tony Adams, Sol Campbell, Ashley Cole, Rio Ferdinand, John Terry, Nemanja Vidic, David Beckham, Steven Gerrard, Roy Keane, Frank Lampard, Matthew Le Tissier, Paul Scholes, Patrick Vieira, Dennis Bergkamp, Eric Cantona, Andrew Cole, Didier Drogba, Les Ferdinand, Robbie Fowler, Michael Owen, Robin van Persie u Ian Wright.