Lokali

“Aħna ma jinteressaniex fin-numri” – Clayton Bartolo meta mistoqsi x’miri għandu l-Gvern għat-turiżmu

Il-Ministru tat-Turiżmu reġa’ kkonferma li l-Gvern għadu bla pjan u bla direzzjoni għall-irkupru ta’ pajjiżna, tant li ma kienx kapaċi jwieġeb mistoqsija sempliċi għall-aħħar. X’inhu t-target ta’ pajjiżna fejn jidhlu ċ-ċifri għat-turizmu fl-istaġun li ġej? Filfatt Clayton Bartolo spiċċa jghid li ma jinteressawhx in-numri.

Filwaqt li l-operaturi turistiċi jinsabu jistennew bil-ħniena li l-qasam tagħhom jirkupra biex isalvaw in-negozji tagħhom, il-Ministru tat-Turizmu Malti lanqas għamel xi tip ta’ mira f’dan is-settur.Pajjizi ġirien tagħna bħal Spanja u l-Italja qed iħarsu lejn irkupru serju fis-settur, fejn l-Italja qed timmira għal 75% tat-turiżmu tal-2019, filwaqt li Spanja qed tħares lejn iċ-ċifra ta’ 40 miljun turist.

Intant, mistoqsi wkoll lejn fejn sejjer il-Gvern fil-qasam turistiku fis-snin li ġejjin u liema niċeċ ġodda qed jaħdem fuqhom, il-Ministru semma setturi li jew diġa jeżistu jew li ilhom jissemmew is-snin, bħat-turist individali, it-tour operators, it-turiżmu tad-diving u dak taċ-ċikliżmu.

In-nuqqas ta’ ħsieb innovattiv tal-Gvern f’dan il-qasam tant kruċjali għall-ekonomija ta’ pajjiżna qed iħalli lil ħafna bil-futur tagħhom imdendel, l-istess persuni li bħalissa b’ammissjoni tal-Ministru stess qed jiffaċċjaw żminijiet diffiċli.

Sadanittant, mistoqsi eżattament x’se jkun qed jinbidel fil-konkret mill-1 ta’ Ġunju ‘l hemm, ġaladarba l-ajruport tagħna baqa’ miftuħ għat-turisti, il-Ministru wieġeb b’mod pjuttost astratt u qal li għal xi żmien kien waqaf ir-reklamar ta’ pajjiżna minħabba l-pandemija, imma issa dan qed jerġa’ jirranka.

B’kuntrast ma’ dan il-kliem astratt, il-PN qed jippreżenta pjan konkret b’aktar minn 100 proposta għall-qasam turistiku illi jimpjega eluf ta’ ħaddiema.