Lokali

Baraxx ta’ kritika fil-konfront tal-Ministru Josè Herrera

"M'għandekx idea minn xiex għaddejna fl-aħħar sena"

M’għandekx idea minn xiex għaddejna fl-aħħar sena – diskors patronizzanti – ninsabu mweġġgħin – l-apoloġija tiegħek tiġi aċċettata la darba tirreżenja.

Dawn kienu biss ftit mill-baraxx ta’ kritika li rċieva l-Ministru għall-Kultura Josè Herrera wara li f’intervista ma’ Net News it-Tnejn waranofsinhar sostna li xogħol l-artisti ma jistax jitqies bħala impjieg …u li l-IQ tal-artist mhux wieħed business oriented.

Bosta persuni li huma fost l-eluf li jifformaw parti mis-settur tal-arti lokali kkritikaw bl-aħrax id-diskors tal-Ministru, partikolarment meta tul il-jum tat-Tlieta pprova jiġbor ġieħu fuq il-midja soċjali billi jispjega dak li prova jgħid. Madanakollu, Herrera naqas milli jiskuża ruħu fil-konfront ta’ diversi atturi, żeffiena, kantanti, kittiebi, pitturi, mużiċisti u artisti varji oħra.

Numru kbir ta’ artisti insistew li l-Ministru m’għandux idea minn xiex għaddejjin bħalissa kawża tal-pandemija, b’oħrajn jisħqu li hija ironika li l-Ministru responsabbli mill-arti qed jindokra mentalità li għadha qed tjassar lill-artist f’pajjiżna.

Fil-kitba tiegħu, il-Ministru Herrera saħansitra attakka lil Net News u nsista li ġie rrapportat żlealment. Madanakollu bosta saħqu li fil-parti mill-intervista li ppubblika huwa stess – tohrog il-konferma li r-rappurtaġġ ta’ Net News kien veritier …b’diversi persuni jisħqu li l-clip juri biċ-ċar x’jaħseb Herrera fuq l-artisti u li l-fiduċja tagħhom fih waqfet ħesrem.

Iżda minkejja din ir-reazzjoni qawwija, il-Prim Ministru Robert Abela ma ħassx li kellu jikkundanna d-diskors ta’ Herrera.