Il-Ministru tat-Turiżmu Spanjol, Fernando Valdes Verelst qal pajjiżu, minn Ġunju, se jkun jista’ jiftaħ il-fruntieri tiegħu, bil-Gvern qed jistenna ‘l-ewwel fażi tal-irkuprar tas-settur turistisku’ f’pajjiżu. Il-Gvern Spanjol ikkonferma li t-turisti mir-Renju Unit se jkunu permessi li jirritornaw fi Spanja ‘fi żmien ġimgħat’ – u ladarba dawn it-turisti jkollhom dokument magħruf bħala health pass taħt ftehim relevanti bejn Spanja u l-awtoritajiet Britanniċi.
Spanja se jkollha dalwaqt sistema diġitali ta’ ċertifikazzjoni għan-nies u l-Gvern f’Madrid qed jittama li l-pajjiż ikun inkluż mal-Lista Ħadra tar-Renju Unit għall-pajjiżi magħrufin bħala destinazzjonijiet turistiċi. It-turisti Britanniċi li jżuru l-pajjiżi fuq il-lista ma jkunux jirrikjedu perjodu ta’ kwarantina f’lukanda ladarba huma jirritornaw pajjiżhom.
L-awtoritajiet fi Spanja qed jittamaw f’sajf karatterizzat mill-ivvjaġġar kontinwu ta’ turisti f’ambjent sikur fost pronostiku li l-pajjiż – u l-Gżejjer Baleariċi — jilqgħu mal-40 miljun turist dan is-sajf .
Sadanittant, l-uffiċjali f’Ibiza – li hi sinonima mad-divertiment tas-sajf – qalu li jridu jkunu l-ewwel post fid-dinja li jippermettu t-turisti li jkollhom ‘passaport jew ċertifikat li jikkonferma li huma ħadu l-vaċċin kontra l-Covid-19’.
Filwaqt li l-hekk-imsejjaħ ‘Digital Green Certificate’ għandu jkopri liċ-ċittadini mill-Unjoni Ewropea, hu minnu li Spanja ilha minn Marzu taħdem flimkien mar-Renju Unit għall-ftuħ ta’ rotta sikura għall-ivvjaġġar magħrufa bħala ‘green travel corridor’.
//= $special ?>