Aktar minn 15,000 persuna qed iħabbtu wiċċhom ma’ inkubu fuq il-gżira karajibika ta’ St. Vincent.
Dan hekk kif eluf spiċċaw evakwati minn djarhom wara d-diversi żbroffi tal-vulkan La Soufriere fl-aħħar ġimgħat – b’filmati meħuda permezz ta’ drones juru s-sitwazzjoni prekarja li hemm preżentament – bil-gżira mgħottija minn kutra ta’ rmied vulkaniku kaġun tal-iżbroffi.
L-esperti saħqu li l-attività vulkanika fuq din il-gżira mistennija saħansitra tippersisti x-xhur – bi djar, ħxejjex u sistemi tal-ilma kkontaminati jew meqrudin għal kollox fuq din il-gżira ċkejkna qrib Barbados, gżira li sa ftit tal-ġimgħat ilu kienet bħal donnha ġenna tal-art – mfittxija minn bosta bħala destinazzjoni tas-safar.
F’xi zoni l-esperti saħqu li l-irmied qed ilaħqu mat-tnejn u erbgħin ċentimetru, bil-Prim Ministru tal-pajjiż Ralp Gonsalves jisħaq li x-xeni huma apokalittiċi u li biex il-gżira ta’ St. Vincent terġa’ tiġi fuq saqajh se jkunu jeħtieġu l-miljuni tad-dollari.
Kelliema għan-Nazzjonijiet Uniti ħabbru li se jkunu qed jagħtu mad-29 miljun dollaru f’għajnuna umanitarja.
Intant bosta esperti huma mħassba hekk kif qalb din il-kriżi, il-gżira qed tħejji ruħha wkoll għall-istaġun tal-uragani bil-biża’ l-pajjiż jinqabad bejn żewġ diżastri naturali.
