Il-Prim Ministru Taljan Mario Draghi esprima sodisfazzjon għall-arresti ta’ seba’ eks terroristi Taljani, inklużi eks membri tal-grupp Brigate Rosse, li seħħew fl-aħħar sigħat f’Pariġi.
L-awtoritajiet Taljani kienu ilhom iwettqu pressjoni fuq l-awtoritajiet Franċiżi biex jarrestaw il-persuni mniżżlin fuq lista twila ta’ eks terroristi – fosthom estremisti tax-xellug – li ksabu refuġju fi Franza wara li kienu ħarbu għal hemm mill-Italja. Il-Brigate Rosse kien wettaq diversi atroċitajiet fl-Italja waqt is-snin ta’ vjolenza politika magħrufin bħala ‘Anni di Piombo’ – u fejn kien spikka l-qtil, fl-1978, tal-eks Prim Ministru Taljan, Aldo Moro.
Intant, il-Gvern Taljan faħħar lil Franza ‘talli deċidiet biex tibda l-proċeduri ġudizzjarji kontra l-persuni responsabbli mir-reati terroristiċi li għadhom ġerħa miftuħa għat-Taljani’. L-istqarrija kompliet li l-atti barbari li wettqu l-membri tal-Brigate Rosse ‘għadhom ħajjin fil-kuxjenza tat-Taljani’ u meta l-poplu u l-Gvern tal-Italja ‘jiftakru s-sagrifiċċji u l-prezz li spiċċaw ħallsu l-vittmi’.
L-azzjoni mmexxija mit-taqsima anti-terroristika SDAT tal-Pulizija Franċiża, b’kollaborazzjoni mal-pulizija Taljana u l-Criminalpol, wasslu għall-arrest tal-eks membri tal-Brigate Rosse, Enzo Calvitti, Giovanni Alimonti, Roberta Cappelli, Marina Petrella u Sergio Tornaghi. L-arrestati l-oħra jinkludu lil Giorgio Pietrostefani tal-grupp ‘Lotta Continua’ u Narciso Manenti tal-grupp ‘Nuclei Armati contro il-Potere Territoriale’.
Dawn il-persuni kienu kundannati għal reati konnessi mat-terroriżmu – bi tliet persuni oħra jirnexxielhom jaħarbu qabel l-azzjoni li wasslet għall-arrest ta’ sħabhom.