Nirien li ħakmu hostel ‘illegali’ fil-belt ta’ Riga swew il-ħajja ta’ mill-anqas tmien persuni – bil-pulizija tikkonferma wkoll numru ta’ midruba.
L-iskwadri għal kontra n-nirien wieġbu għall-emerġenza wara r-rapporti li kien hemm l-ilsna tan-nar ħerġin mill-ogħla sular tal-bini (għoli sitt sulari) fit-Triq ta’ Merkela, fil-kapitali tal-Latvja.
Talanqas 24 persuna kienu evakwati mill-bini fost in-nirien, b’numru minnhom isofru diversi kategoriji ta’ ħruq ma’ ġisimhom u b’oħrajn jinstabu qed ibatu l-effetti tad-dħaħen li belgħu. Mifhum li l-parti kbira tal-vittmi kienu turisti barranin.
Is-Sindku ta’ Riga, Martins Stakis, qal li l-appartament fejn seħħew in-nirien – li jinsab viċin l-istazzjon tal-ferrovija ewlieni – kien inbena ‘bħala parti minn bini tal-Istat’ u li l-awtoritajiet ma tawx il-permess biex jintuża bħala hostel.
Il-pulizija qed titlob l-għajnuna biex tidentifika l-vittmi tan-nirien, bl-awtoritajiet f’Riga, fl-aħħar sigħat, jipprovdu l-akkommodazzjoni alternattiva lir-residenti tal-bini inkwistjoni.
//= $special ?>