Lokali

Il-Liġi l-ġdida dwar l-għaqdiet volontarji surreali fl-isfond tal-iskandli tal-Gvern – Tonio Borg

“Lanqas jittwemmen il-mod kif għaqdiet volontarji li jservu biex itaffu l-piż minn fuq il-Gvern billi jgħinu lill-aktar batut sfaw il-mira ta’ regolamentazzjoni li toħnoqhom u normi li ħaqqhom premju għal burokrazija bla bżonn”.

Il-Lettur fl-Università ta’ Malta u awtur ta’ diversi kotba dwar il-Kostituzzjoni kif ukoll eks Kummisarju Ewropew Tonio Borg kiteb hekk wara li fl-aħħar ġimgħat il-Gvern ħejja regoli ġodda għall-għaqdiet volontarji li ġidbu kritika qawwija minn diversi oqsma.

Borg jikteb li r-regolamentazzjoni l-ġdida trid tinqara biex titwemmen.

Minbarra l-problemi tekniċi legali li jitfa’ dawl fuqhom Tonio Borg, bħal kif il-parti sussidjaraj tal-leġislazzjoni tipprevali fuq dik fil-liġi tal-Parlament li tirregola l-għaqdiet volontarji, hu jispjega kif il-Gvern fil-leġislazzjoni l-ġdida inkredibilment  twaqqaf lil persuni li tħalli wirt tagħha lil għaqda volontarja li mhux irreġistrata u tagħmel nulli testmenti ta’ dan it-tip. Xi ħaġa li x’aktar hija illegali u tmur kontra l-Kostituzzjoni, jgħid Borg.

“Mhijiex stramba u surreali li l-liġi qed iddur għal dawk li qed jiddedikaw ħinhom u l-enerġija tagħhom biex jgħinu lil dawk l-aktar vulnerabbli u fil-bżonn fis-soċjetà, fl-istess żmien meta qed joħorġu aktar dettalji skandalużi dwar il-Panama Papers u l-Passport Papers. Dettallji ta’ illegalitajiet, ħasil ta’ flus, ingann u miljuni ta’ ewro mgħoddija fi strutturi fiskali barranin  filwaqt li individwi kienu qed jixtru passaporti Maltin b’irċevuti tal-pasitizzi mir-Rabat u xorb minn Paceville bħala xhieda tar-rabta tagħhom ma’ pajjiżna.

Tonio Borg itemm jgħid li wieħed ma jistax ma jiftakarx fil-kitba evanġelika dwar meta wieħed jara l-farka f’għajn ħaddieħor u ma jarax it-travu f’għajnejh stess.