Il-PN jinsisti li jerġa’ jkun hemm diskussjoni; komplikazzjoni fil-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika
Ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler dwar ksur ta’ etika mill-Ministru Carmelo Abela f’riklam minn fondi pubbliċi ma kienx aċċettat mill-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika wara li l-Ispeaker Anġlu Farrugia astjena fil-vot finali.
Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-Ispeaker tal-Parlament u Chairman tal-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika Anġlu Farrugia f’seduta li fiha kien diskuss ir-rapport tal-Kummissarju għall-Eika fil-Ħajja Pubblika George Hzyler li fih sab l-Ministru Carmelo Abela kien kiser il-kodiċi ta’ etika meta għamel riklam għalih personali mill-fondi pubbliċi, liema riklam kien sewa €7,000.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li l-gvern ma jridx li l-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jaddotta ir-rapport għaliex ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika fih opinjonijiet bla bażi ta’ linja gwida u bażi legai dwar riklami mill-ministri tal-gvern. Hu qal li l-idea tal-gvern hi li jsiru linji gwida dwar dawn iċ-ċirkostanzi.
Il-Ministru Zammit Lewis kompla li l-Ministru Carmelo Abela ma kellux opportunità jirribatti u hemm perċezzjoni ta’ konflitt ta’ interess bejn konsulenti li ħatar l-istess Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li huma relatati ma’ membri fis-soċjetà.
Edward Zammit Lewis sostna li l-gvern ma jħossux komdu jaddotta dan ir-rapport u jitolbu b’saħħa li jkun hemm linja gwida ċari ta’ kif għandhom jaġixxi l-membri tal-gvern anki fid-dawl ta’ żbalji li saru fil-passat.
Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet li l-liġi hi ċara dwar ir-responsabbiltajiet tal-Kummissarju u r-responsabbiltajiet tal-Kumitat u l-Kodiċi ta’ Etika.
Il-prijorità għandha tkun lill-interess pubbliku u għalhekk la r-rapport tal-Kummissarju ma fihx żbalji, allura l-kumitat għandu jaddotta dan ir-rapport. F’dan il-każ il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika wasal għall-konklużjoni li fil-fatt kien hemm ksur ta’ etika mill-Ministru Carmelo Abela. Il-Ministru Carmelo Abela ngħata d-dritt li jagħmel id-difiża tiegħu u din hi twila sitt faċċati; għalhekk hu ċar u ovvju li l-Ministru Carmelo Abela kien jaf b’din l-investigazzjoni.
Id-deputat Nazzjonalista kompliet li hi taqbel mar-rapport u mal-prinċipji elenkati fir-rapport u sostniet li għandha tiġi mill-Ministru Abela stess li, wara dan ir-rapport u anki jekk m’hemmx gwida, jirrifondi l-flus pubbliċi. Kull depuat li jmur kontra l-prinċipji ta’ etika, anki jekk mhux b’intenzjoni, għandu jirrifondi l-flus li jkun għamel użu minnhom.
Il-Whip Laburista Glenn Bedingfield qal li l-Kummissarju Hyzler għandu jinvestiga skont il-liġi u mhux skont l-opinjoni tiegħu. Hu qal li fil-fatt ma nkisru l-ebda linji gwida, għaliex dawn ma jeżistux.
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami sostna li fir-rapport tiegħu l-Kummissarju tal-Istandards fil-fatt ddikjara li l-Ministru Carmelo Abela kiser il-Kodiċi ta’ Etika u għalhekk ma tax biss opinjoni. Hu qal li saret kampanja u attakk koordinat appoġġjati mill-Prim Ministru kontra l-Kummissarju George Hyzler; dan mhux sew u mhux dak li jridu n-nies.
Meta ttieħed vot, kien hemm żewġ voti favur u tnejn kontra, bl-Ispeaker jissospendi l-kumitat sakemm jikkunsidra l-vot tiegħu u aktar tard, fid-deċiżjoni tiegħu, isostni li jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Istandards hi waħda suġġettiva iżda kompla li fir-reklam 50% huma ritratt tal-Ministru Carmelo Abela.
L-Ispeaker tratta l-kontenut tar-riklam fil-kuntest tar-responsabbiltajiet tal-Ministru Abela u qal li fih hemm ukoll informazzjoni dwar setturi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet ministerjali tal-istess ministru.
Is-Sedja kkunsidrat ukoll il-konklużjonijiet tal-Kummissarju Hyzler u qal li tħoss li ma kienx hemm ksur ta’ kodiċi ta’ etika għaliex ir-riklam kien konness max-xogħol tal-ministeru. L-Ispeaker Anġlu Farrugia kompla li l-Kummissarju Hyzler ma tkellimx b’mod dirett mal-Ministru Carmelo Abela iżda kien hemm biss korrispondenza.
Fid-deċiżjoni tiegħu l-Ispeaker tratta n-nefqa ta’ €7,000 minn fondi pubbliċi għal dawn ir-riklami, ikkonkluda li għandu jkun hemm gwida ċara dwar ir-riklami u qal li se jastejni għax ma jistax taddotta parti biss mir-rapport. L-Ispeaker rrakkomanda li għandu jkun hemm linji gwida.
Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia staqsiet jekk dan hux ruling bl-Ispeaker isostni li din hi spejgazzjoni tal-vot. Hu qal li jaqbel f’parti mir-rapport tal-Kummissarju Hyzler u sostna li dan ifisser li r-rapport mhux aċċettat.
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-liġi tipprovdi li meta jkun hemm voti indaqs, ikun hemm il-casting vote biex is-sitwazzjoni tkun riżolta. Dan hu l-iskop tal-casting vote, sostna Beppe Fenech Adami, li sostna li dan ma seħħx f’dan il-każ. L-astenzjoni mhux vot, sostna Beppe Fenech Adami.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia wieġeb li hu spjega l-vot tiegħu u rrikonoxxa li din mhix pożizzjoni feliċi.
Therese Comodini Cachia sostniet li għall-PN din il-pożizzjoni mhix eżawrita u kompliet li fil-kuntest ta’ dak li diġà kiteb il-Kummissarju lill-kumitat u fil-kuntest ta’ kif tmexxew il-proċeduri u kif saru attakki fuq il-Kummissarju, il-PN jiddikjara wkoll li jekk il-proċeduria għadhiex torbot jew le. Dan għaliex il-mod kif kien attakkat l-Uffiċċju tal-Kummissarju, illum fixkel ix-xogħol fl-interess tal-etika tad-deputati. Għalhekk r-rapport għandu jerġa’ jitla’ għad-diskussjoni, sostniet id-deputat Nazzjonalista.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li din hi l-ewwel darba li ġrat din is-sitwazzjoni u sostna li l-proċeduri issa huma eżawriti iżda importanti li jsiru linji gwidi.
//= $special ?>