Lokali

Irridu ekonomija tan-nies li ma tippreġudikax l-ambjent u li ma tagħmilx il-qliegħ tagħha mill-prekarjat – Bernard Grech

Il-PN qed jaħdem biex jibni setturi ġodda għall-ekonomija ħalli dalwaqt iressaq il-proposti tiegħu lill-elettorat

Irridu ekonomija tan-nies, bi tkabbir u aktar investimenti, fejn in-niċeċ ekonomiċi preżenti jkomplu jikbru u jissaħħu, iżda wkoll b’mod kreattiv u kuraġġjuż infittxu, nattiraw u noħolqu niċeċ ekonomiċi ġodda li joħolqu xogħol ta’ kwalità għal ekonomija aktar reżiljenti u postijiet tax-xogħol ġodda ta’ kwalità, b’kundizzjonijiet tajbin u li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema u taż-żgħażagħ Maltin u Għawdin.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta żar lil Lufthansa Technik bħala parti miż-żjarat fejn qed jiltaqa’ mal-imprendituri u l-ħaddiema fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem.

Bernard Grech qal li hu evidenti li s-settur tal-avjazzjoni, li nbena u ssaħħħaħ minn Gvernijiet Nazzjonalisti, hu settur ta’ suċċess kbir. Dan meta mhux biss inbniet din l-industrija, iżda twaqqfu programmi edukattivi fejn irreġistraw eluf ta’ studenti, ġew f’pajjiżna kumpaniji rinomati u nħolqu eluf ta’ impjiegi ġodda b’pagi tajbin. Hu qal li Lufthansa Technik hi storja ta’ suċċess ta’ 18-il sena u xhieda tas-suċċess tas-settur tal-avjazzjoni li nħoloq f’pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jattira aktar setturi ekonomiċi ġodda u fil-ġimgħat li ġejjin se nressqu l-pjanijiet tagħna lill-elettorat. Setturi ġodda li l-Partit Nazzjonalista qed jibni flimkien mal-mexxejja fl-industrija lokali, akkademiċi u individwi li lkoll għandhom komuni, ekonomija li ma tippreġudikax l-ambjent u li ma tagħmilx qliegħ mill-prekarjat.

Matul din iż-żjara lil Lufthansa Technik, Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Finanzi u l-Air Malta Mario de Marco, il-Kandidati James Aaron Ellul u John Baptist Camilleri, kif ukoll Denis Vella mis-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN).